“Irrappurtaw jekk issiru tafu b’każi ta’ abbuż” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appella biex jekk xi ħadd ikun jaf b’xi każ ta’ abbuż imur jirrapporta dan ir-reat lill-Pulizija.

Waqt Manifestazzjoni Marjana lbieraħ f’Marsalforn, l-Isqof tkellem dwar l-ittra tal-Papa Franġisku dwar l-abbużi sesswali li ġraw f’Pennsylvania. Mons. Grech stqarr li hija reponsabbilità tiegħu biex ma jħallix każijiet bħal dawn “fil-kexxun” imma li jimxi “skont il-liġijiet tal-Knisja u tal-pajjiż”. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti l-kooperazzjoni biex il-Knisja “titnaddaf minn din is-sikrana”.

Radd ħajr lil Alla li ħafna mis-saċerdoti huma “kanonizzabbli”, imma min jagħmel dawn l-abbużi għandu jiġi denunzjat lill-Pulizija.

Il-Knisja f’Malta għandha politika dwar l-abbuż

Fakkar kif il-Knisja f’Malta kienet minn tal-ewwel li fl-1999 għamlet politika dwar l-abbuż, liema politika għadha fis-seħħ.

Mons. Mario Grech qal li każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal kapaċi jdaħħlu lill-komunità ekkleżjali fi kriżi ta’ fidi. Qal li l-abbużi kienu “atti kriminali” li saru fuq medda ta’ 70 sena. “Dawn l-atti kriminali mhux biss ħolqu ġrieħi profondi u tbatija kbira fil-vittmi, imma lilna, bħala komunità ekkleżjali, iġiegħluna nistħu, jumiljawna, u kapaċi jdaħħluna fi kriżi ta’ fidi” qal Mons. Grech.

AQRA l-messaġġ sħiħ tal-Isqof Grech hawn: L-Isqof t’Għawdex dwar l-abbuż sesswali