Aġġornata: Żagħżugħ jinsab arrestat b’rabta mal-inċident f’Paceville

Fi stqarrija, l-Pulizija kkonfermat li qed iżżomm żagħżugħ ta' 18-il sena sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet li qed isiru wara l-inċident li seħħ f'Paceville s-Sibt li għadda.
Allegatament huwa għamel użu minn pepper spray fl-istabbiliment li fih seħħ l-inċident wara li ċeda t-taraġ tal-ħġieġ meta dawk li kienu ġewwa bdew ħerġin barra.
Persuni li kienu fuq il-post qalu li allegatament inqalgħet ġlieda fl-istabbiliment u li sar użu minn xi forma ta’ gass u kulħadd beda ħiereġ ‘il barra.
Fl-inċident meta ċeda t-taraġ weġġgħu 74 persuna.
Fost dawk midruba hemm pazjenta waħda li qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei.
Tfajla oħra ta’ 15-il sena li wkoll kienet f’din it-taqsima qalbet għall-aħjar u ġiet trasferita f’sala oħra tal-isptar.