Irrakkomandat li ma jsirux tiġijiet fil-Ġimgħa Mqaddsa tal-2021

L-Isqfijiet qegħdin jirrakkomandaw lill-għarajjes li kellhom jipposponu t-tieġ tagħhom għall-2021 sabiex ma jiżżewġux fit-30 u fil-31 ta’ Marzu, jiġifieri fil-Ġimgħa Mqaddsa tal-2021, b’rispett lejn il-mixja liturġika.

Il-Konferenza Episkopali Maltija ddiskutiet it-tiġijiet li kellhom jitmexxew għall-2021 minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Issemma kif fit-30 u l-31 ta’ Marzu, trid issir il-liturġija tal-ġurnata billi huma ferji fil-Ġimgħa Mqaddsa, u għalhekk, l-Isqfijiet qed jirrakkomandaw biex jekk ikun possibbli, f’dawk il-jumejn ma jsirux żwiġijiet. Għandhom isiru biss meta ma jkunx hemm possibbiltà oħra minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

L-Isqfijiet issuktaw jgħidu li peress li l-qari tal-Evanġelju f’dawk il-jiem mhuwiex addattat għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, huma qegħdin jagħtu permess li għaż-żwiġijiet li jsiru fit-30 jew fil-31 ta’ Marzu tal-2021, tinqara silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, Kapitlu 12, versi 20 sa 26, minflok l-Evanġelju tal-jum.