Ieqaf newwaħ – iben Daphne lil Dalli

Read in English.

Iben il-ġurnalista assassinata, Matthew Caruana Galizia rreaġixxa għal kumment tal-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli, li dalgħodu kitbet fuq il-mezzi soċjali li tinsab “irrabjata u traduta”.

Talabha tieqaf tibki u tagħmel xi ħaġa. “Itlob lill-Prim Ministru jirriżenja immedjatament, imbagħad uża l-paga abbundanti tiegħek biex tixtri biljetti għal Malta u tinżel fit-toroq mad-demostranti”, żied jgħid.

“Ammetti li meta stajt taġixxi biex tevita assassinju m’għamilt xejn”

F’post fuq Facebook, Caruana Galizia qalilha li jekk hi rrabjata u tħossha traduta, għandha taċċetta li kienet żbaljata dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat. Talabha tammetti li meta setgħet tagħmel xi ħaġa li setgħet tevita assassinju, “m’għamlet xejn”.

Matthew Caruana Galizia ffirma l-messaġ’ “Pajjiżek”.

Irrabjata u traduta – Miriam Dalli

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli rrikorriet għall-Facebook biex tgħaddi r-rimarki tagħha dwar l-iżviluppi fis-sitwazzjoni politika tal-pajjiż.

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli rrikorriet għall-Facebook biex tgħaddi r-rimarki tagħha dwar l-iżviluppi fis-sitwazzjoni politika tal-pajjiż.

Irrabbjata u ttraduta.

U naf li bhali qed ihossuhom hafna. Dawk li kellmuni – laburisti u m’humiex li qed ihossuhom dizorjentati.

Din m’hijiex kwistjoni ta’ laburisti u nazzjonalisti. Din kwistjoni ta’ pajjiz kollu kemm hu.

L-affarijiet ma jistghux itawwlu aktar milli hemm bzonn. Il-hafna mistoqsijiet li hemm – iridu jigu mwiegba. Il-gustizzja trid issir u trid tidher li qed issir ma’ kulhadd. Irridu nipprotegu pajjizna qabel kollox ghax dawn huma l-Malta u Ghawdex fejn nittama li jikbru uliedi.

Huwa zmien difficli. Imma konvinta li flimkien nistghu nergghu inkunu b’sahhitna u niffokaw fuq il-valuri li dejjem sawruna u mexxewna. Il-gustizzja socjali u li verament nghinu lill-aktar vulnerabbli. Ghandna dover naghmlu dan lejn l-eluf li emmnu fina u fdawna u li minghajrna jispiccaw imkissra. Bhal ma qomna f’mumenti difficli ohra, konvinta li nergghu nqumu mill-gdid, ahjar u aktar determinati.

“Il-PL kalamita għall-abbuż, korruzzjoni u ħmieġ” – Peter Agius

Dr Peter Agius, li kien kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista iktar kmieni din is-sena, irreaġixxa għal kumment ta’ Dr Dalli, u qal li “fl-aħħar qed jemmnuha lil Daphne Caruana Galizia”. Saħaq li kellhom mitt okkażjoni biex irażżnu dan l-abbuż ta’ poter, u li fil-Parlament Ewropew stess għattew il-ħmieġ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u għajru traditur lil kull min qal il-verità.

Fl-istess waqt qal li Miriam Dalli hija ħafna aħjar minn din il-marmalja, “iżda l-ġudizzju politiku wiesa’ jibqa’ li l-Partit Laburista huwa kalamita għall-abbuż, korruzzjoni u ħmieġ”. Saħaq li min se jiġi wara Muscat irid mhux biss ikeċċi “lil dawn il-qabda kriminali, iżda jara li l-pajjiż jerġa’ jibda jaħdem bħala demokrazija”, stqarr Agius.