Irrabja u waddab ċilindru tal-gass barra għax martu ma kinitx id-dar

Raġel spiċċa l-qorti għax f’dagħdigħa, waddab ċilindru tal-gass barra mill-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar, u għamel ħsara lil vettura u anke lil ħanut.

Dan ġara f’Awwissu li għadda meta r-raġel kien xurban u ma sabx lil martu u lil binhom id-dar meta wasal hu.

Il-Qorti semgħet kif hu sibel meta ra dan, u beda jsejjaħ għall-pulizija waqt li jwaddab xi oġġetti barra, fosthom ċilindru tal-gass, żiemel tal-ħwejjeġ, pala u xkupa. B’dan l-aġir, huwa għamel ħsara lill-ħanut ta’ taħt l-appartament u anke lill-karozza ta’ sid il-ħanut li kienet ipparkjata hemmhekk.

L-akkużat kien skuża ruħu għal għemilu mill-ewwel u offra li jħallas għad-danni, iżda sid il-ħanut talbu kważi €7,000, u l-akkużat ħass li dan kien ammont kbir wisq. Fil-qorti ħareġ li l-ispejjeż propja jammontaw għal €3,460. Ir-raġel aċċetta li jħallas dan l-ammont.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li dan ir-reat seta’ jwassal għall-priġunerija, iżda hija qieset li l-akkużat ma kien wettaq l-ebda reat qabel dan, u għalhekk ħelsitu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi tliet snin.