Ironiku li s-servizz li kellu jkun veloċi spiċċa miexi b’veloċità zero – ADPD

Read in English.

Il-Partit ADPD qal li huwa ta’ għajb li għat-tielet darba, il-proċess ta’ tender għall-Fast Ferry bejn Malta u Għawdex reġa’ tħassar minħabba li kien hemm nuqqasijiet fil-proġett. Żiedu li huwa ironiku li dan is-servizz li kellu joffri servizz veloċi spiċċa miexi b’veloċità zero għax imxekkel b’mażżra ta’ inkompetenza u traskuraġni.

Fi stqarrija l-ADPD qalu li t-tħassir ta’ dan il-proċess ifisser li l-Għawdxin qed jiċċaħħdu minn mod effettiv kif titnaqqas it-tbatija ta’ kuljum għal ħafna ħaddiema u studenti li jaqsmu l-gżejjer.

Fl-istqarrija l-Partit qal li l-pubbliku qiegħed ikompli jħallas għall-inkompetenza, kif ukoll għan-nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-awtoritajiet. Żiedu li l-Gvern flok qiegħed jagħmel proġetti fattibbli u aċċessibbli qiegħed jibqa’ jroxx il-bżar fl-għajnejn bi proposti grandjużi bħalma hija l-mina taħt il-baħar. L-ADPD qalet li jekk issir din il-mina se jkollha effetti diżastrużi fuq l-ambjent fost effetti soċjali u ekonomiċi oħra.

Fis-27 t’Ottubru Transport Malta tilfet il-kawża miftuħa mill-Virtu Ferries quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) hekk kif ġiet ordnata tħassar is-sejħa għal servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex.

Min-naħa tagħha l-għaqda tal-istudenti universitarji Għawdxin (GUG) qalet li l-kwistjoni tat-tielet kanċellazzjoni tas-servizzi tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex hija daqqa oħra lura li se tkompli ddewwem il-possibbiltà li jkun hemm konnessjoni bżonjuża u għaġġelija bejn iż-żewġ gżejjer.