“Irnexxilna nilħqu miri ekonomiċi aħjar minn dak li kien imbassar” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura uffiċjalment l-uffiċċju l-ġdid tal-Bank of Valletta fil-House of Four Winds fil-Belt.
Joseph Muscat qal li fl-2013, il-Gvern jirnexxilu jilħaq miri ekonomiċi aħjar minn dawk li kienu qed ibassru l-aġenziji ekonomiċi internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.
Ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jitħabbar uffiċjalment li d-defiċit huwa inqas mit-3% skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u b’hekk Malta terġa toħroġ mill-excessive deficit procedure.
Joseph Muscat qal li l-IMF kien bassar li l-ekonomija ta’ Malta kienet se tikber b’1.8% mentri filfatt kibret bi 2.4%.
Il-Prim Ministru appella lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiftakru fuq ir-rwol li għandhom fl-iżvilupp tal-ekonomija.
Tkellem dwar l-importanza li l-ekonomija issir iktar globalizzata għaliex se jiżdiedu l-persuni li se jġibu magħhom network globali permezz ukoll tal-iskema taċ-Ċittadinanza.
Dwar ix-xogħol, il-Prim Ministru qal li qed jiżdiedu n-nisa li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Sostna li l-Gvern qed jikkontrolla wkoll id-dejn tal-pajjiż.
Ic-Chairman tal-Bank of Valletta, John Cassar White qal li l-bank se jkun qed jaffaċċja sfidi ġodda speċjalment fuq l-asset quality review mill-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Bankarja.
Se ssir analiżi tas-self u stress tests ġodda biex jiġi identifikat jekk il-bank iridx ikabbar il-kapital.
Cassar White qal li l-bank irid jimmodernizza l-infrastruttura tal-informatika u tat-tmexxija.
Sostna li qed jara futur inkoraġġanti għall-ekonomija sakemm jittieħdu l-miżuri u r-riformi meħtieġa bħall-enerġija.
Ħabbar li l-bank se jwaqqaf taqsima ġdida biex iħeġġeġ l-investiment. Il-Bank of Valletta jimpjega 1,600 ħaddiem.