“Irnexxieli nġib l-għaqda fl-aħħar jiem; Nibqa’ determinata li nservi” – Comodini Cachia

Read in English.

Therese Comodini Cachia qalet li wara l-għaqda li rnexxielha ġġib fl-aħħar jiem fost l-Oppożizzjoni, hija determinata li tibqa’ sservi lill-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista.

Din kienet ir-reazzjoni tad-Deputat wara li Adrian Delia ġie kkonfermat bħala Kap tal-Oppożizzjoni mill-President George Vella, minkejja li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni qalu li m’għandhomx fiduċja fih bħala Kap. Din il-maġġoranza riedet li Comodini Cachia tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni minflok Delia.

Wara jumejn ta’ laqgħat individwali mat-28 Membru Parlamentari, il-President ħareġ stqarrija llum li fiha qal li Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni ladarba huwa Kap tal-ikbar partit fl-Oppożizzjoni. Din id-deċiżjoni, qal il-President, għandha twaqqaf id-diskussjoni dwar ix-xewqa ta’ wħud li jkun hemm Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

Fi stqarrija maħruġa b’reazzjoni għal dan, il-Membri Parlamentari li m’għandhomx fiduċja f’Delia qalu li d-deċiżjoni tal-President tmur kontra l-Kostituzzjoni, u l-President naqas milli jagħmel dak li titlob il-Kostituzzjoni. Dan peress li l-President stess ikkonferma li Delia ma jgawdix il-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. B’hekk, fil-fehma tagħhom, il-President kellu d-dover li jneħħi lil Delia u jaħtar lill-persuna li għandha din il-fiduċja.

Madankollu, huma wiegħdu li se jibqgħu jħeġġu lill-Partit Nazzjonalista biex ikun immexxi minn persuna ta’ integrità, serja, onesta u kredibbli li tpoġġi l-interess nazzjonali u tal-Partit Nazzjonalista qabel l-interessi personali tagħha.

Fl-istess stqarrija, Therese Comodini Cachia qalet, “Jien nibqa’ determinata li nservi lil pajjiżi u lill-Partit Nazzjonalista, speċjalment fid-dawl tal-għaqda li rnexxieli nġib matul dawn l-aħħar jiem fost il-Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u fid-dawl tat-tama li tajna lin-nies bil-pass kuraġġuż li ħadna lkoll flimkien.”

Min-naħa tiegħu, Delia qal li huwa determinat li jkompli jaħdem u jimxi ‘l quddiem flimkien, u mhux għat-taparsi flimkien mal-kollegi tiegħu. Huwa wiegħed li mhu se jaqta’ qalbu qatt u li se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni tal-Gvern.