Irnexxielha taħsadlu ħajtu bil-messaġġi

Sajf sħiħ ta’ messaġġi, li skont Imħallef wasslu għall-mewt ta’ żagħżugħ, wasslu wkoll għal sentenza ta’ ħabs għal dik li tgħid li kienet it-tfajla tiegħu.
Michelle Carter, ta’ 20 sena minn Massachusetts fl-Istati Uniti nstabet ħatja ta’ qtil involontarju tas-sieħeb tagħha Conrad Roy, wara li kienet tibgħatlu messaġġi, tħeġġu biex ineħħi ħajtu b’idejh.  Hija ngħatat sentenza ta’ sentejn u nofs priġunerija, minkejja li l-piena li setgħet taffaċċja kienet ta’ 20 sena.
Fil-Qorti ħareġ li l-koppja ltaqgħu biss tliet darbiet, imma kien hemm skambju ta’ mijiet ta’ messaġġi u telefonati bejniethom, fost l-oħrajn stejjer ta’ instabbiltà emozzjonali. Dan kollu seħħ tliet snin ilu, meta kemm Michelle kif ukoll Conrad kellhom 17-il sena.
Għall-ewwel Conrad kien jibgħatilha messaġġi fejn qasam magħha ħsibijiet li jrid itemm ħajtu. Michelle kienet tisimgħu u tipprova tgħollilu l-moral, imma mbagħad bdiet tibgħatlu messaġġi, tgħidlu li jekk jagħmel hekk, fil-bidu kulħadd se jkun imdejjaq, imma mbagħad jgħaddilhom, inkluż il-familja tiegħu.
Ġieli anke bagħtitlu messaġġi dwar x’jista’ jagħmel biex itemm ħajtu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li wara mewtu, Michelle riedet tilgħab l-irwol tat-tfajla f’luttu biex tiġbed is-simpatija tal-pubbliku. Dan hekk kif ġimgħat wara l-mewt tiegħu, organizzat attività ta’ ġbir ta’ fondi b’tifkira ta’ Conrad u bdiet issejjaħ lilha nnifisha bhala persuna li qed taħdem għall-prevenzjoni mis-suwiċidju, u l-għan tagħha kien li ssalva ħajjiet oħra.
F’dan l-istess sajf, Michelle jidher li kellha problemi ta’ dehra u kienet tieħu pillloli għad-dipressjoni u l-ansjetà.
Ġie rrappurtat ukoll li Michelle attendiet il-funeral ta’ Conrad, u talbet lill-familja tiegħu biex jagħtu l-irmied tiegħu biex teħodhom magħha d-dar.  Riedet ukoll tmur fil-kamra tiegħu biex tieħu xi oġġetti.