Irjus tat-tonn jintlemħu f’wiċċ il-baħar

Read in English.

Għadd ta’ irjus tat-tonn dehru qrib ix-xtajta fuq wiċċ il-baħar fil-limiti tal-bajja ta’ San Tumas. Jidher li l-irjus li instabu f’wiċċ il-baħar kienu fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni u marbutin ma’ baga.

Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura ċaħdet li dan kien riżultat tax-xogħol tal-membri tal-Federazzjoni.

Fi stqarrija l-Federazzjoni qalet li kitbet lill-Aġent Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u talbitu biex jinvestiga dan il-fatt. Hija spjegat li “prima facie hemm raġuni biżżejjed għalxiex wieħed jaħseb li dawn l-irjus kienu riżultat ta’ xi attività illegali”.

Dan filwaqt li allegaw li dan jista’ jkun ġej minn serq direttament ta’ ħut mill-gaġġeġ tat-tonn jew inkella konsegwenza ta’ sajd illegali mill-ibħra tal-madwar. Il-Federazzjoni qalet ukoll li l-ħut tnadfu fuq il-baħar biex tiġi evitata kull forma ta’ preservazzjoni ta’ evidenza.

Il-Federazzjoni ħeġġet lid-Dipartiment biex permezz tal-infurzar tassigura li ma jsirx bejgħ ta’ ħut illegali. Fakkret li ħut li ġej mill-gaġġeġ tat-tonn irid jinqatel fil-prezenza ta’ ufficjali tad-Dipartiment u Osservaturi internazzjonali regolati mill-ICCAT sakemm mhux dak il-ħut li jmut b’kawża naturali għaliex dak irid jiddaħħal mill-pixkerija kif titlob il-liġi.

Ritratti ta’ dan il-każ ġew mgħoddija lill-Federazzjoni mis-Sindku u l-Viċi Sindku ta’ Wied il-Għajn.