Iridu tweġiba iebsa u globali għall-bomba tal-Korea ta’ Fuq

L-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun qalu li se jkunu magħquda fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-Korea ta’ Fuq, li ttestjat b’suċċess bomba idroġena.
Minkejja d-dubji li l-komunità internazzjonali għandha fuq dak li qed tgħid il-Korea ta’ Fuq, ma naqsux il-kundanni immedjati nkluż min-Nazzjonijiet Magħquda.
Jekk dak li sostniet il-Korea ta’ Fuq jiġi kkonfermat, dak tal-bieraħ ikun ir-raba’ test ta’ bombi nukleari u l-ewwel bomba daqstant qawwija mill-Korea ta’ Fuq.
Skont l-esperti, it-theżżiża qisha terremot, ta’ 5.1 fuq l-iskala Richter, li segwiet wara l-isplużjoni, ma kinitx qawwija biżżejjed għal splużjoni nukleari.
Madankollu, il-Ġappun qies dak li seħħ bħala theddida serja għar-reġjun u ħeġġeġ għal “tweġiba iebsa globali”.
Il-Korea t’Isfel waqqfet kull attività fuq il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq, inkluż il-kumpless industrijali li tħaddem mal-ġar tagħha.