“Iridu turisti li jonfqu iżjed flus” – Konrad Mizzi

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal fost l-oħrajn li Malta għandha bżonn turisti li jonfqu iżjed flus fil-pajjiż waqt iż-żjara tagħhom.

Dan qalu waqt li ħabbar li bħalissa għaddejja ħidma sabiex tiġi mfassla viżjoni strateġika sas-sena 2025. Qal li l-objettivi tal-viżjoni se jkunu li tindirizza l-isfidi li bħalissa qed jaffaċċja s-settur tat-turiżmu. Qal li hemm bżonn li t-turiżmu jkompli jikber b’mod sostenibbli filwaqt li tonqos l-istaġġjonalità. Sostna li hemm bżonn li tiġi implimentata strateġija dwar il-konnettività tal-ajru tal-pajjiż u li hemm bżonn jinħolqu niċeċ turistiċi sabiex jiġu attirati udjenzi ġodda.

Semma wkoll li hemm bżonn li jiġi aċċertat li l-pajjiż ikollu r-riżorsi meħtieġa, speċjalment dawk umani, sabiex ikompli jtejjeb il-prodott u s-servizz turistiku. Qal ukoll li se tkompli l-ħidma għal udjenzi ġodda fosthom dawk mill-Amerka ta’ fuq, mill-Ġappun, mill-Awstralja, miċ-Ċina u mill-Indja.

Dwar Brexit, il-Ministru tenna li l-Gvern Malti huwa kommess li jkun l-aktar stat Brexit-friendly fl-Unjoni Ewropea.