Iridu reġistru li jikxef dawk il-kumpaniji li jagħmlu użu minn SLAPP

Rappreżentanti minn 6 partiti politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew sejħu lill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea biex fost affarijiet oħra jkun hemm reġistru li jelenka l-kumpaniji li jagħmlu użu minn kawżi SLAPP.
Din kienet waħda mill-proposti li huma għamlu biex issir liġi kontra l-iSLAPP fl-Unjoni Ewropea.
L-iSLAPP hi tip ta' kawża li tinfetaħ minn individwu, korporazzjoni, gruppi jew politiċi li ma għandhom l-ebda intenzjoni li jirbħuha. Ħafna drabi kawżi dan it-tip huma intenzjonati biss biex jeħlu l-ħin u r-riżorsi ta' kontra min tinfetaħ.
Huma pproponew li l-ġurnalisti investigattivi u l-midja indipendenti fl-UE jkunu jistgħu jiċħdu każijiet bla bżonn u jkollhom dritt għall-kumpens.
Komplew jgħidu li kumpaniji li jagħmlu użu minn dawn il-prattiċi f’ġurisdizzjonijiet barra mill-UE jingħataw multi.
Iridu wkoll li jinħoloq fond ta’ flus li jintużaw biex jgħinu lil dawk il-ġurnalisti investigattivi u l-midja indipendenti li jirreżistu li jiġu msikkta u jgħinuhom biex jieħdu flushom lura.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, għall-Partit Popolari Ewropew, Ana Gomes mill-Grupp tas-Soċjalisti, Monica Macovei, mill-Grupp tal-Konservattivi, Maite Papazaurtundùa mil-Liberali, Stelios Kouloglou mill-Partit Magħqud tax-Xellug (GUE) u Benedek Jàvor mill-Grupp tal-Ħodor fi stqarrija konġunta semmew kif il-Bank Pilatus kien fetaħ kawża ta’ dan it-tip fil-konfront tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia qabel ma kienet assassinata.
Skont ir-rapporti li dehru jidher li l-bank kien se jfittex lil ġurnalisti Maltin għad-danni fl-Istati Uniti. Kawża ta’ dan it-tip taf tlaħħaq madwar 40 miljun dollaru.
Huma sostnew li la l-Bank Pilatus u wisq inqas Daphne Caruana Galizia ma kellhom konnessjoni mal-Istati Uniti u għażlu din il-ġurisdizzjoni sempliċiment għax l-intenzjoni kienet li jneffqu ħafna flus li dak li jkun qed jiddefendi ruħu.
L-Ewroparlamentari saħqu li dan huwa eżempju perfett ta’ kif il-prattiċi SLAPP huma abbużivi.
Saħqu li huma kommessi li jipproteġu ’l-ġurnalisti investigattivi u ’l-libertà tal-istampa madwar l-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin se jibqgħu jsegwu l-kwistjoni sakemm l-UE jkollha liġi kontra dawn il-prattiċi.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa saħaq li l-Bank Pilatus irnexxielu jdawwar każ lokali f’wieħed internazzjonali. Huwa fakkar li l-istampa hi r-raba’ pilastru tad-demokrazija u għandha tkun protetta.
Fir-Renju Unit, il-kumpanija Appleby li isimha ħareġ fil-Paradise Papers qed tuża tattiċi simili kontra The Guardian u l-BBC.