“Iridu nilqgħu għax-xmara li ġejja fuqna u ma nħalluhiex issir tsunami” – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li f’ċertu każijiet, biex il-Gvern jiżgura li l-persuni jibqgħu kwarantina, qed iħallu pulizija wara biebhom. Sa ftit ġranet oħra l-Gvern se jkollu 100 sodda tal-ITU, li per capita dan hu l-ogħla numru fid-dinja. Se jkollna wkoll 700 sodda għal pazjenti li jkollhom il-coronavirus.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament waqt dibattitu dwar il-coronavirus, huwa qal li filwaqt li qegħdin fil-bidu tal-pandemija f’Malta, qed nistennew xmara ta’ każijiet ta’ coronavirus fuq il-pajjiż. Fearne qal li l-istrateġija tal-Gvern hi dik li x-xmara ta’ każijiet ma ssirx tsunami.

Huwa stqarr li fl-istess ħin il-Gvern irid jiżgura l-istess livell ta’ għajxien lill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-kelliem Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li issa li hawn it-tixrid ta’ virus fil-pajjiż, b’każijiet jinxterdu lokalment, irridu niżguraw li ma jkollniex iktar importazzjonijiet ta’ każijiet ġodda u għalhekk hemm bżonn li nsaħħu l-fruntieri. Huwa qal li f’dan il-mument huwa importanti li ‘we buy time’ u nbiegħdu kemm jista’ jkun tsunami ta’ każijiet ta’ coronavirus.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis qal li d-dar tal-anzjani tal-Imsida ġiet imbattla biex f’eventwalità li jkun hemm tixrid bejn l-anzjani tal-coronavirus, din id-dar tintuża bħala kwarantina. Huwa qal li fid-djar tax-xjuħ ġie installat Skype biex ikun hemm kuntatt bejn l-anzjani fid-djar u l-qraba tagħhom li bħalissa ma jistgħux iżuruhom.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-leave tal-kwarantina m’għandux jinġarr mill-intrapriżi u li l-gvern jiffinanzja nofs is-salarji fl-intrapriżi li jikkommettu li se jżommu lill-ħaddiema.

Id-deputat Laburista Anthony Agius Decelis sostna li l-anzjani għandhom jibqgħu ’l bogħod min-neputijiet tagħhom u jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni bħal ‘messenger’ u ‘whatsapp’ biex jikkomunikaw magħhom.

Barranin bla xogħol se jispiċċaw fit-toroq – Fenech Adami

Beppe Fenech Adami qal li fis-sigħat li għaddew hemm numru ta’ intrapriżi li diġà tterminaw l-impjieg ta’ numru kbir ta’ nies minħabba li l-ekonomija hi mibnija fuq impjiegi bi ħlas qrib il-‘minimum wage’ b’mod speċjali fis-settur tat-turiżmu. Huwa qal li dawn il-persuni se jispiċċaw ta’ fuqhom senduqhom u allura se jibqgħu maqbuda f’Malta jgħixu fit-toroq.  

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern se jħabbar pakkett finanzarju li jħares lejn in-negozji kollha, u bl-għan li l-piż jinġabar minn kulħadd- min iħaddem, il-ħaddiema u l-Gvern. Hu qal li l-ewwel għajnuna diġà tħabbret dwar maħfra ta’ bolla, taxxa fuq id-dħul u VAT bl-għan li tgħin fil-likwidità. Huwa qal li l-Gvern qed jagħmel l-aħħar kalkoli qabel iħabbar il-miżuri. 

Chris Said qal li f’nofs din il-pandemija jispiċċa s-silenzju ta’ Stewards Health care li mhux biss imexxi l-uniku sptar li jeżisti iżda hu l-ikbar employer f’Għawdex b’elf ħaddiem. Huwa qal li minn stħarriġ li sar mill-Gozo Business Chamber, 50 fil-mija tal-Intrapriżi qalu li se jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal dejjem minħabba t-tixrid tal-coronavirus.

“L-ewwel il-Maltin… charity begins at home” – il-Ministru Schembri

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-għada li tgħaddi l-pandemija tal-coronavirus, l-ekonomija tal-pajjiż mhux se tkun l-istess kif kienet xahar ilu. Schembri qal li jaf bil-każijiet tal-ħaddiema barranin fil-qasam tat-turiżmu, iżda ‘charity begins at home’ u l-miżuri primarjament se jkunu biex jipproteġu l-impjiegi tal-Maltin u Għawdxin.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Gvern għandu juża fondi addizzjonali biex jgħin setturi li jħaddmu 60,000 fit-turiżmu; fejn ix-xogħol hu mdendel. Il-miżuri għandhom jitħabbru llum qabel għada għax in-negozju qed jieħu d-deċiżjonijiet kuljum. Il-gvern għandu joħloq fond fl-interess tan-negozji u l-ħaddiema tagħhom.

“Is-saħħa hija għal kollox ikbar mill-ekonomija, jekk is-saħħa tgħib anki l-ekonomija tikkrolla. Iftħu widnejkom sewwa, Jien għadni ġej minn fejn is-sodda tal-marid, u  ngħid li l-lockdown għandha ssir,” qal Godfrey Farrugia. Huwa qal li s-salvauomo tagħha hu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex is-sitwazzjoni tas-saħħa ma tikkrollax jekk hu l-uniku sptar apparti Mater Dei, li jispeċjalizza fil-kura akuta.

Edwin Vassallo qal li ninsabu fi gwerra kontra għadu li mhux qed naraw u għadu li ma nafux min hu. “Din mhix l-aħħar tad-dinja kieku għandna Gvern għaqli, kieku din hija opportunità li naraw kif nerġgħu nibnu l-ekonomija fuq sisien aħjar,” hu qal.

Jien lest inxammar il-kmiem u naħdem ta’ tabib iżda jridu jħalluni – Deo Debattista

Is-segretarju parlamentari Deo Debattista qal li jeżisti fattur ġenetiku li minkejja ma jkollhom l-ebda kundizzjoni kien hemm każijiet ta’ fatalità fost persuni li kellhom 30 u 40 sena. Huwa qal li fattur importanti f’Malta hu li 25 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija għandha ‘l fuq minn 60 sena, l-aktar milquta mill-coronavirus. Hu appella għas-sens komun biex il-ministri u s-segretarji parlamentari li huma tobba jitħallew jaħdmu ta’ tobba f’din is-sitwazzjoni kritika. “Jien lest inxammar il-kmiem u naħdem ta’ tabib,” stqarr Debattista.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-ossiġnu li qed joffri l-Gvern lill-intrapriżi mhux se jwassal sa Ottubru. Huwa qal li llum il-Gvern hu l-ikbar kreditur li għandhom in-negozji bil-VAT refund u l-fuel refund jinsabu sena b’lura. “Sur Ministru Scicluna oħroġ ic-chequebook u wassal lin-negozji,” stqarr Arrigo.

“Għandna żewġ għedewwa – il-virus u l-ħin” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li fil-mixja ta’ dan il-virus wasalna fil-punt inevitabbli li l-virus qed jinxtered lokalment. “Il-Gvern ma jistax jibqa’ reattiv iżda jkun pro-attiv. Fil-qasam tas-saħħa jrid jimxi pass pass iżda jrid joffri wkoll miżuri ta’ prevenzjoni,” hu qal. Delia qal li l-ekonomija Maltija hija katina li l-Gvern jorbot man-negozji, jgħin lill-intrapriżi u mhux iwaħħal fihom. Huwa qal li l-gvern għandu jġorr fuqu 50% tas-salarji u jekk ma jagħmilx hekk, se jitkeċċew il-ħaddiema. “Qegħdin fi gwerra u għandna żewġ għedewwa – il-virus u l-ħin. Iżda għandna żewġ armi: il-mediċi tagħna u għandna lil xulxin. Ejja ninsew il-kuluri, ninsew l-avversarji tas-soltu u naħdmu flimkien biex nirbħu l-gwerra,” hu temm jgħid.

Il-PM f’laqgħa mal-mexxejja Ewropej

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem f’laqgħa virtwali mal-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Din il-laqgħa, ippreseduta mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, trattat l-imxija ta’ Covid-19 u l-ħidma li l-pajjiżi Ewropej qed jagħmlu sabiex jilqgħu għal din l-imxija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn