Iridu mandat biex jinvestigaw lil Cambridge Analytica

Il-Kummissarju għall-Informazzjoni fl-Ingilterra qalet li qed tfittex li ġġib mandat biex tinvestiga d-databases u s-servers tal-kumpanija Ingliża Cambridge Analytica.
Il-kumpanija bbażata f’Londra qed tkun akkużata li użat l-informazzjoni personali ta’ 50 miljun membri ta’ Facebook biex jinfluwenzaw ir-riżultati tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti.
Il-Ġimgħa, Facebook issospendiet il-kumpanija tad-data Cambridge Analytica, kumpanija li tiġbor u tanalizza informazzjoni biex tgħin lill-politiċi.
Fl-allegazzjonijiet il-ġodda li ħarġu t-Tnejn juru filmati tal-eżekuttiv tal-kumpanija jiddiskutu mezzi kif il-kandidati opposti jistgħu jiskreditaw lil kandidati opposti waqt kampanja elettorali.
Il-kumpanija qed tiċħad li għamlet xi ħaġa ħażina.
Channel 4 News, ilbieraħ xandar filmat minn kamera moħbija fejn juru lill-Kap Eżekuttiv Alexander Nix joffri suġġerimenti ta’ kif jiskreditaw politiċi qabel l-elezzjoni.
Fost is-suġġerimenti Alexander Nix jissuġerixxi li l-politiku jiġi ffilmjat waqt laqgħa ma xi ħadd li jkun qed joffri deal li jkun tajjeb wisq biex jitwemmen.
Suġġerimenti ieħor li ta Nix lill-klijenti tiegħu kien li jibgħatu nisa Ukreni fid-dar tal-kandidat, filwaqt li jisħaq li l-Ukreni “huma sbieħ ħafna u taħdem tajjeb”.
Ikompli jgħid li “Jien qed nagħti biss eżempji ta’ x’jista’ jsir u x’diġa sar.”