Iridu lill-Kummissarju iżda mhux dejjem għall-aħjar raġuni

Filwaqt li s-soċjetà ċivili u parti mill-poplu Malti u Għawdxi qed jitolbu għar-riżenja ta’  Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija,  għadd ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija huma kuntenti bih u ma jixtiquhx jinbidel.
Ma’ Newsbook.com.mt, uffiċjali tal-Korp qalu li jinsabu “komdi taħt it-tmexxija ta’ Cutajar”; “mingħajr stress żejjed”; “qisu ma jeżistix”;  “m’għandix xi ngerger minnu”; u “minn tagħna”.
Oħrajn saħanistra qalu li hemm baħar jaqsam bejnu u bejn l-Eks Kummissarju John Rizzo li “kien rett u jisħaq fuqhom”.
Sadanittant fuq il-mezzi soċjali, għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija, qed jiktbu messaġġi ta’ kuraġġ għall-Kummissarju, bl-użu wkoll tal-hashtag #istandwithmycommissioner.
Jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mexa fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu Simon Busuttil u qed isejjaħ mill-ġdid għar-riżenja tal-Kummissarju.
Ulied il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet assassinata tmint ijiem ilu fil-Bidnija, ukoll esprimew in-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom lejn il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.