Iridu li ż-żwiemel ikollhom aktar postijiet minfejn jixorbu għax qed ibatu l-għatx

L-għaqda internazzjonali World Animal Protection qed tappella lil Transport Malta biex iż-żwiemel li jintużaw biex iġorru l-karozzini bit-turisti, jkollhom aċċess għall-ilma u post adattat minfejn jixorbu.
L-għaqda għad-drittijiet tal-annimali qed issostni li għalkemm iż-żwiemel għandhom il-kenn, qed ibatu bl-għatx u dehydration.
Minn stħarriġ li veterinarju tal-għaqda wettaq f’Settembru li għadda, jirriżulta li l-kuċċiera jżommu ż-żwiemel f’kundizzjoni tajba iżda l-maġġoranza kienu qed ibatu l-għatx u m’għandhomx aċċess għall-ilma nadif ħlief għal vit wieħed fir-rotta tat-turisti li jaslu bil-cruise liners.
Din is-sitwazzjoni ġiet irrappurtata wkoll f’rivisti popolari internazzjonali fosthom Horse & Hound.
Il-petizzjoni tgħid li s-sidien taż-żwiemel u l-għaqdiet tal-annimali Maltin talbu għall-għajnuna tal-World Animal Protection.
Is-settur tal-żwiemel f’Malta qed jerġa jispiċċa taħt il-lenti mhux biss minħabba l-kundizzjoni tagħhom meta jkunu esposti għall-elementi iżda wkoll fl-użu tagħhom fit-toroq.
Matul il-programm Dinja Ewropa fuq RTK, l-Ewroparlamentari Marlene Mizzi qalet li l-Unjoni Ewropea m’għandhix liġijiet diretti li jirregolaw il-karozzini, speċjalment fit-toroq, iżda tidħol fil-qasam tal-welfare tagħhom.
Mizzi qalet li taqbel li l-karozzini biż-żwiemel m’għandhomx jintużaw fit-toroq fil-ħinijiet l-iktar traffikużi iżda jridu jitħarsu wkoll l-interessi tal-persuni li jaqilgħu l-għajxien bil-karozzini.
Sostniet li jridu jinstabu rotot li ma jkunux traffikużi minfejn jgħaddu ż-żwiemel u bil-kundizzjoni li l-kuċċiera jħarsu l-aħjar interessi taż-żiemel.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif il-Ministeru għat-Trasport kellu l-ħsieb li jintroduċi avviż legali li jnaqqas l-użu taż-żwiemel u s-serkin fit-toroq.
Huwa mistenni li fil-ġranet li ġejjin, il-Gvern jippubblika dan l-avviż legali dwar dawn ir-restizzjonijiet fl-użu taż-żwiemel f’toroq arterjali fil-ħinijiet traffikużi.
Huwa mistenni li din ir-restrizzjoni tapplika mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-ħinijiet meta jkun hemm l-iżjed traffiku.
Ix-xahar li għadda, il-Parlament Ewropew approva rapport li jestendi l-protezzjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti fuq prodotti tradizzjonali u artiġjanali u fost il-proditti Maltin hemm ukoll il-karozzini.

Ritratt: World Animal Protection