Iridu li Villa San Injazju tkun skedata

L-għaqda Din l-Art Ħelwa talbu lill-awtoritajiet konċernati biex jiskedaw il-Villa ta’ San Injazju. Dan wara li sar studju kkummisjonat mill-istess għaqda fid-dawl tat-theddid li sar fuq l-istess propjetà.
Fil-11 ta’ Jannar li ġej se ssir preżentazzjoni mill-Perit Edward Said dwar l-istess villa ġewwa l-bini ta’ Din l-Art Ħelwa l-Belt fis-6.30pm. Id-dħul huwa b’xejn, iżda l-organizzazzjoni mhux governattiva qalet li tapprezza d-donazzjonijiet.
Il-Perit Said, li jispeċjalizza f’bini ta’ wirt kulturali, se jkun qed jagħti tagħrif dwar il-valur storiku kif ukoll arkitettoniku tal-Villa.
Fl-ewwel snin ta’ seklu 19 il-bajja tal-Balluta kienet bajja remota u kwieta. L-għelieqi u l-toroq tal-kampanja kienu jaslu sal-baħar li dak iż-żmien ix-xatt kien iffortikat taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Pinto.
Fl-isfond ta’ dan kien hemm villa fl-għelieqi msejħa Bel-Veder. Fis-seklu ta’ wara din il-binja kellha diversi użu fosthom li kienet tintuża bħala Kulleġġ għal Ġiżwiti. Għalkemm matul il-medda taż-żmien intilef ħafna mill-ġardina li kienet parti mill-Villa, id-dar baqgħet teżisti.
Aktar kmieni dax-xahar il-Knisja kienet tkellmet favur din il-villa, wara li ħaddiema ntlemħu jwaqqgħu parti mill-istruttura ta' dil-binja, mingħajr ħsieb ta' xejn.
Ix-xahar li għadda l-Awtorità tal-Ippjanar skedat numru ta' proprjetajiet fi Triq il-Katidral f'Tas-Sliema wara talba mill-għaqda mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA).