Iridu li titwaqqaf entità pubblika li tirregola l-kirjiet

Il-ħolqien ta’ reġistru tal-istat tal-propjetà li qiegħda fis-suq tal-kera, kif ukoll it-twaqqif ta’ entità pubblika li tirregola l-kera kienu fost il-proposti elenkati minn 17-il organizzazzjoni minn setturi differenti f’koalizzjoni waqt tnedija li saret dalgħodu.
Fl-istqarrija huma qalu li f’Malta ma teżistix liġi li tirregola s-suq tal-kera u dan qed iwassal biex kulħadd jagħmel li jrid.  
F’dokument ta’ 12-il paġna huma jiddeskrivu mudell ta’ kif il-kera f’Malta għandha tiġi rregolata.
Saħqu li se jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni meta tiġi ppubblikata l-White Paper dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur tal-kera mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
L-għaqdiet ilmentaw li l-inkwilini qed jgħixu f’sitwazzjoni prekarja għaliex is-saqaf fuq rashom huwa temporanju u ma jħossux li din hija darhom.
Dan fi kliemhom qed ikun ta’ detriment għal gruppi vulnerabbli bħall-anzjani u dawk li għandhom dħul baxx, kif ukoll fuq iż-żgħażagħ li qed ikollhom jikru flok jixtru hekk kif il-prezzijiet tal-propjetà jkomplu jogħlew.
Id-dokument tagħhom ibbażawh fuq prinċipju li kull persuna għandha dritt fundamentali li jkolla dar diċenti fejn tgħix.
Huma sostnew li ż-żieda mhux ikkontrollata fil-kera qed iġġiegħel lill-inkwilini jitilqu mill-post għax ma jkunux jistgħu jħallsu l-kera bil-prezz il-ġdid.
Huma saħqu li permezz ta’ regolamentazzjoni effettiva tal-kera s-sidien ikun jaqblilhom ukoll. Dan għaliex huma jkollhom struttura li tirregola l-kera b’regoli ċari għal kulħadd fl-istess ħin, u fi kliem dawn l-organizzazzjonijiet dan mhux se jwaqqaf lis-sidien milli jagħmlu l-profitti mill-kirjiet.
L-għaqdiet tennew li huma ħarsu lejn liġijiet f’pajjiżi Ewropej u indunaw li Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li m’għandhiex regolamentazzjoni tal-kera.
Il-qofol tal-proposti tagħhom hu li l-kera tkun irregolata u din bħala parti minn strateġija għal housing iktar affordabbli.
L-għaqdiet involuti f’dan id-dokument huma Moviment Graffitti, Alleanza Kontra il-Faqar, Forum Komunita’ Bormliża, Malta Tenant Support, Malta Humanists Association, The Millennium Chapel, Żminijietna – Voice of the Left, aditus Foundation, Malta Gay Rights Movement, The Critical Institute, Spark 15, Mid-Dlam għad-Dawl, Women’s Rights Foundation, African Media Association Malta, Koperattiva Kummerċ Ġust, Integra Foundation u Third World Group Malta.
Il-proposti jinsabu hawn.