Iridu li s-saċerdoti jikxfu s-sigriet tal-Qrar

Kummissjoni tal-Gvern Awstraljan qalet li s-saċerdoti għandhom jiksru s-sigriet tal-Qrar meta jisimgħu dwar każijiet ta’ abbuż sesswali fuq minuri.
Il-Kummissjoni twaqqfet fl-2013 biex tinvestiga kif instituzzjonijiet bħall-iskejjel, klabbs, organizzazzjonijiet tal-Gvern u l-Knisja wieġbu meta kien hemm allegazzjonijiet dwar abbuż sesswali.
Fost il-85 rakkommandazzjoni, il-Kummissjoni qalet li l-liġijiet li jitkellmu fuq rapporti li jsiru dwar abbuż sesswali fuq it-tfal għandhom “jeskludu kull skuża, protezzjoni jew privileġġ dwar il-qrar reliġjuż.”
Tkompli tgħid li l-libertà reliġjuża għandha tkun irrispettata fid-dawl tal-obbligazzjoni li kull ċittadin għandu li jipproteġi s-sigurtà tal-oħrajn, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali.
Insistiet li għandha tkun meqjusa bħala “offiża kriminali,” jekk instituzzjoni tfalli milli tirrapporta każ ta’ abbuż sesswali, anke jekk l-informazzjoni tingħata fil-Qrar.
Irreferiet għal numru ta’ każijiet fejn kemm il-vittma u anke minn iwettaq l-abbuż jiżvelaw il-każ lil saċerdot waqt il-Qrar.
Din ir-rakkomandazzjoni qajmet diskussjoni sħiħa. Fost dawn, kiteb ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna li saħaq li s-sirgiet tal-Qrar ma għandu qatt jinkisier. Spjega li s-saċerdot jista’ jitlob lill-vittma biex jiżvela l-każ barra mill-Qrar iżda insista li s-saċerdot ma jista’ qatt jiċħad lil min dineb.
Tal-istess opinjoni kien il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Knisja għall-Verità, il-Ġustizzja u l-Fejqan, Francis Sullivan li spjega kif saċerdot jista’ jitlob lil xi ħadd li wettaq abbuż u mar iqerr, biex jiżvela l-każ lill-Pulizija qabel ma jagħtih l-assoluzzjoni.
Saħaq li l-Qrar huwa spazju fejn wieħed jindem u jitlob maħfra u jpatti għal dak li għamel u għalhekk għandu jwassal lil dak li jkun biex ikun lest juri li vera dineb mid-dnub li għamel. Iżda saħaq li saċerdot ma jista’ qatt jiċħad is-Sigriet tal-Qrar.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Melbourne u l-President tal-Konferenza Episkopali Awstraljana, Danis Hart, qal li s-sigriet tal-Qrar huwa “parti fundamentali mil-Libertà Reliġjuża.”
Saħaq li l-Knisja hija “assolutament kommessa” li tirraporta kull każ ta’ abbuż fuq it-tfal barra mill-kunfidenzjalita tas-Sagrament tal-Qrar.
Tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Brisbane, Mark Coleridge, li spjega kif il-Knisja tipproteġi żewġ valuri importanti. L-ewwel nett il-protezzjoni tat-tfal u dawk vulnerabbli imma anke li l-Knisja trid tipproteġi wkoll il-karattru importanti tal-Qrar, jiġifieri d-djalogu bejn il-midneb u Alla.