Jitolbu stħarriġ tar-regolamenti ta’ kontra l-ħasil ta’ flus f’Malta

Il-Ħodor fil-Parlament Ewropew talbu li ssir stħarriġ  tar-regolamenti ta’ kontra l-ħasil ta’ flus f’Malta, kif ukoll ipproponew li l-Europol tissieħeb fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Eva Joly u Sven Giegold qalu fi stqarrija konġunta li l-Gvern Malti falla milli jieħu azzjoni serja f’każijiet ewlenin ta’ ħasil ta’ flus.
Daphne Caruana Galizia kienet kixfet u ppubblikat dokumenti li allegatament juru ħasil ta’ flus minn uffiċjali għolja fil-Gvern.
Joly, li hi wkoll leġiżlatur Franċiż, li tippresjedi l-kumitat tal-inkjesta tal-Panama Papers, talbet ukoll li jitqabbad investigatur internazzjonali fil-qtil tal-ġurnalista.
Ingħaqad magħha l-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, li dewa dak li qalet meta tenna li l-Europol u l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea messhom jaħdmu sfiq flimkien.
Sadanittant, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, Vera Jourova, bagħtet ittra lbieraħ lill-Ewroparlamentari Ħodor biex tgħidilhom li skont l-informazzjoni li għandha, sa issa m’hemm ebda suspett li Malta kisret xi liġijiet Ewropej dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.
"Ninsabu magħkom" – Alternattiva Demokratika
Aktar kmieni llum, l-Alternattiva Demokratika qalet li għalkemm ma tinsabx fiżikament il-Parlament Ewropew fi Strażburgu, tagħti s-sapport tagħha lid-delegazzjoni tal-Ħodor li llum iltaqgħu mal-familja Caruana Galizia, magħmula minn Philippe Lamberts, Sven Giegold, Eva Joly, Molly Scott Cato u Heidi Hautala.