Iridu li l-adozzjonijiet u l-fostering jiġu diskussi fil-Parlament

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li f’isem għadd ta’ koppji, nhar it-Tnejn li għadda tressqet talba mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Ħarsien tat-Tfal, Robert Cutajar sabiex l-adozzjonijiet u l-fostering ikunu diskussi f’laqgħat separati Kumitat tal-Affarijiet Soċjali fil-Parlament.
Bħalissa l-Kumitat jinsab mingħajr Ċerpersin, hekk kif Deborah Schembri inħatret bħala Segretarju Parlamentari.
Sadattant, nhar is-Sibt li għadda, ġenituri li għaddejin bil-proċess biex jaddottaw it-tfal kellhom laqgħa mal-Ministru għall-Familja, Michael Farrugia. Waqt il-laqgħa, li f’xi mumenti kienet imqanqla, ħadu sehem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u rappreżentanti mill-awtorità ċentrali, l-Appoġġ u aġenziji tal-adozzjonijiet.
Fl-aħħar sentejn, saru adozzjonijiet minn xi reġjuni fir-Russja, is-Slovakkja u l-Albanija. Hu mifhum iżda li hemm staġnar fl-applikazzjonijiet għal adozzjonijiet minn diversi pajjiżi oħra.