​Iridu li l-abort ikun legali f’Malta

L-għada li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u Miriam Dalli tkellmu fuq Xarabank kontra l-legalizzazzjoni tal-abort f’Malta, ħames nisa u raġel għamlu konferenza tal-aħbarijiet biex jgħidu li l-abort għandu jsir legali f’erba’ ċirkostanzi.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu tikkonferma dak li kiteb Dr Gorg Vella, eks Deputat Prim Ministru fil-gazzetta t-Times of Malta fl-istess jum. Dr Vella innota li huwa ċar ħafna li l-kampanja biex jiġi legalizzat l-abort qiegħda tirranka u li qed tuża kull mezz biex din id-diskussjoni tingħata importanza.
Dalli u Metsola, meta kienu mistoqsija jekk jaqblux li jidħol l-abort f’Malta wieġbu b’mod kategoriku ħafna illi huma kontra.
Il-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ kienet organizzata mill-Women's Rights Foundation. Din l-organizzazzjoni qed tgħid illi l-abort għandu jkun legalizzat biex tiġi salvata l-ħajja tal-mara, jew biex tkun priservata saħħitha, jew meta jkun hemm stupru jew inċest, jew meta t-tarbija mhux imwielda jkollha ċerti diżabiltajiet.
Andreana Dibben, lettur fl-Università u l-avukat Lara Dimitrijevic qed jgħidu wkoll illi ma għandhomx jittieħdu passi kontra min jagħmel abort barra minn Malta jew min jagħmlu permezz ta’ direzzjonijiet permezz tal-internet. L-istess membri tal-grupp iqisu li l-abort huwa dritt uman.
Stħarriġ ippubblikat fil-gazzetta Malta Today fi Frar li għadda juri li 95% tal-Maltin huma kontra l-abort. Iżda l-membri tal-Women’s Rights Foundation jgħidu li l-Maltin iwieġbu hekk mhux għax jaħsbu hekk imma għax jibżgħu jgħidu l-opinjoni vera tagħhom fuq is-suġġett.
Waqt programm fuq RTK 103FM, Michelle Spiteri, omm Francesca, tifla ta’ sentejn bid-Down Syndrome tgħid li persuni li jirrikorru għall-abort, biex ma jwelldux tfal b’diżabilità, ikunu qed jieħdu deċiżjoni fuq dak li ma jafux.
Min-naħa tagħha, Dr Rebecca Kiessling, Avukata Amerikana bint vittma ta’ stupru vjolenti, qalet li hi waqqfet it-tqala tagħha tliet darbiet… meta welldet.  Iddeskriviet l-abort bħala qtil ta’ kreatura ħajja.