Iridu li jsir referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex

L-Organizzazzjoni Żminijietna – Leħen ix-Xellug saħqet li s’issa, ftit nies ġew intervistati dwar jekk humiex favur jew kontra l-mina bejn Malta u Għawdex. Għaldaqstant sostniet li l-aħjar ħaġa hija li l-pubbliku jkun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ referendum nazzjonali.

“Ħażin li jidderieġu Għawdex il-Maltin”; “Xogħol f’Malta impossibbli bil-vapur”

Fi stqarrija, l-istess Organizzazzjoni qalet li l-istudju dwar l-impatt fuq l-ambjent,  se jagħti l-informazzjoni bżonnjuża dwar l-effetti ekoloġiċi, soċjali u bijofiżiċi. Saħqet ukoll li l-istess studju se joħloq iżjed għarfien dwar miżuri differenti li jistgħu jiġu applikati qabel ma jsir xi ħaġa. Qalet li “dan l-istudju se jindika wkoll jekk il-proġett hux ambjentalment sostenibbli jew le”.

Għaldaqstant appellat lil Dr Franco Mercieca, il-persuna inkarigata mill-kumitat għall-mina proposta, biex qabel jgħaddi kummenti fuq il-midja “jistenna sakemm l-istudji jispiċċaw u jsiru  pubbliċi”.