Iridu li jogħla l-prezz tal-VRT

Il-GRTU flimkien mal-istazzjonijiet tal-VRT sostnew li l-Gvern ma jistax jippretendi li jingħata servizz aħjar għat-testijiet tal-VRT, mingħajr ma jogħla l-prezz tagħhom.
Dan qaluh fi stqarrija fejn sostnew li jinsabu urtati bl-attitudni tal-Gvern li ħarġet fl-istqarrija stampa ta’ Transport Malta.
Propju fil-15 ta’ Mejju, Transport Malta ħabbar li fost it-tibdiliet li se jsiru hemm dawk relatati mar-riżultat li tirċievi, aktar infurzar fuq dawk il-vetturi li jipproduċu emmissjonijiet għoljin u test aġġornat għad-dwal tal-vetturi.
Fl-istqarrija l-GRTU sostniet li t-tibdiliet huma kollha importanti sabiex ikun hemm aktar ħarsien tas-sigurtà fit-toroq. Liema tibdiliet l-istazzjonijiet tal-VRT ħejjew ruħhom għalihom u ġew milqugħa.
Għaldaqstant toġġezzjona bis-sħiħ id-deċiżjoni li ma ssir l-ebda żieda fil-prezzijiet tat-test tal-VRT, speċjalment wara li l-GRTU ilha għal dawn l-aħħar snin tistaqsi għal żidiet fil-prezz.
Il-GRTU sostniet li kienet ippreżentat lill-Gvern studju indipendenti minn konsulenti ewlenin li jispjega għaliex hemm bżonn ta’ dawn iż-żidiet u wkoll kif għandhom jingħataw.
Stqarret li l-istazzjonijiet tal-VRT ilhom bl-istess qliegħ għal dawn l-aħħar 20 sena, filwaqt li jsemmu kif il-prezz tal-VRT lokali huwa l-inqas fl-Ewropa.
Għal din ir-raġuni fakkru li l-operaturi kellhom jaraw kif imantnu n-negozji tagħhom bl-ispejjeż dejjem tilgħin, filwaqt li jagħtu ż-żidiet lill-impjegati sabiex jibqgħu jaħdmu magħhom.
“Hija ta’ sfortuna li l-istrateġija tal-Gvern għas-sigurta’ fit-toroq tinkludi l-isfruttar ta’ dan is-settur,” irrimarkat il-GRTU.
Sostniet li dan hu prekarjat iddettat mill-Gvern. Għaldaqstant, f’ittra lill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, il-GRTU talbet laqgħa immedjata sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata minnufih.