Residenti jridu kumpens minħabba l-istorbju

Residenti li joqogħdu fi Triq Birkirkara f’San Ġiljan ilmentaw dwar storbju matul il-lejl waqt li minn sit tal-kostruzzjoni beda jitneħħa t-terrapien.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ressaq dan il-każ saħansitra quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman li ddeċieda favur ir-residenti u qal li l-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini żbalja meta ppermetta li t-terrapien minn dan is-sit tal-kostruzzjoni jitneħħa matul il-lejl.
L-Ombudsman qal li meta jingħataw permessi matul il-lejl, ir-resident għandu jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u li xogħlijiet matul il-lejl f’żoni turistiċi għandhom isiru f’każi eċċezzjonali u taħt kontroll strett.
Iżda, minkejja din id-deċiżjoni, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan qal li Transport Malta u l-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini ġew jaqgħu u jqumu minn dak li qal l-Obudsman u reġgħu ppermettew li t-terrapien jitneħħa matul il-lejl.
Il-kumpanija li qed twettaq ix-xogħol bagħtet ittra lir-residenti tiskuża ruħha għall-inkonvenjent u tispjega li x-xogħol kellu jsir matul il-lejl għax hija meqjusa bħala arterja prinċipali, aktar u aktar minħabba x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara u li minħabba f’hekk ħafna sewwieqa qed jużaw lilha.
Minkejja dan, fi stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ma aċċettax din bħala skuża u saħaq li kull triq tista’ tissejjaħ arterja prinċipali meta jkollok pajjiż iġġamjat bit-traffiku.
Kompla jgħid li filwaqt li jifhem li għandu jkun hemm bilanċ bejn it-trankwillità tar-resident u l-attività ekonomika, huwa qatt ma ħareġ permessi simili li jmorru kontra l-interess tar-resident.
Kien hawn li staqsa x’kumpens se jkunu qed jingħataw ir-residenti għal dan l-inkonvenjent.