Iridu jsiru studji qabel ma jiġu installati kameras li jagħrfu l-uċuħ – Jourová lil Briguglio

Il-Kummissarju Ewropea għall-Ġustizzja, Věra Jourová, qalet li l-proġett Safe City Malta se jkollu jsirlu assessjar tal-impatt tiegħu fuq id-data protection qabel ma jitwettaq. Dan qalitu bi tweġiba lill-kunsillier Michael Briguglio, li staqsa dwar is-sigurtà tan-nies bi proġett b’kameras li jagħrfu wċuħ in-nies.

Jourová spjegat li proġett kbir hekk li jiġbor daqstant informazzjoni minn żoni pubbliċi jaf jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet tan-nies. Għalhekk, assessjar tal-impatt tiegħu fuq id-data protection ikollu jinkludi assessjar ta’ kif hu intenzjonat li jaħdem, tar-riskji għad-drittijiet tan-nies, u għall-miżuri li jiġu proposti biex jindirizzaw dawn ir-riskji sabiex ikunu konformi mal-GDPR.

Dan wara li Briguglio, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Partit Nazzjonalista, bagħat ittra lil Věra Jourová u l-kollegi tagħha li jmexxu dipartimenti fl-UE tas-Sigurtà, tat-Teknoloġija Diġitali u d-Data Protection. Huwa staqsa lill-Kapijiet tal-Kummissjonijiet dwar l-intenzjonijiet tal-Gvern Malti biex jintroduċi teknoloġija tal-facial recognition, jiġifieri dik li tagħraf uċuħ in-nies.

Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar il-proposta li jiġu installati dawn il-kameras permezz tal-kumpanija l-ġdida Safe City Malta. Id-deċiżjoni kienet parti minn memorandum bejn il-Gvern u l-kumpanija Ċiniża Huawei.

Il-kameras huma intenzjonati għal Paceville, sabiex jgħinu lill-pulizija jinvestigaw ġlied, jipprevjenu s-serq u qtil jew vjolenza oħra, peress li jgħinuhom isibu wiċċ xi ħadd partikolari f’folla nies.

L-installazzjoni ta’ kameras bil-face recognition huma inkwetanti – AD

Briguglio rrimarka li skont Prof. Joseph A. Cannataci mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Informazzjoni fl-Università ta’ Malta, dan il-proġett irid ikun konformi mar-Regolamenti tal-UE għad-Data Protection (GDPR), mad-Direttiva tal-Pulizija tal-UE u mal-Konvenzjoni Nru 108 dwar id-Data Protection tal-Kunsill għall-Ewropa. Briguglio wera x-xewqa tiegħu li l-Gvern jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq dan is-suġġett.

Jourová qalet ukoll li n-nies li jkunu jieħdu ħsieb din l-informazzjoni miġbura mill-kameras, ikollhom juru li l-informazzjoni li qed jiġbru hija bżonjuża għall-interess pubbliku. Jekk jinstab li t-tali persuni jkunu qegħdin jabbużaw mill-aċċess li jkollhom, huma jinżammu responsabbli ta’ dan.

Aqra iktar hawn:

Il-GRTU favur kameras fil-Marsa minħabba “attività suspettuża”

Bżonn bdil fil-liġi ta’ kameras li jagħrfu l-uċuħ – MITLA