“Iridu jitneħħew il-barrieri diġitali u l-geo blocking biex tikber l-ekonomija”

Wara li l-Parlament Ewropew ivvota favur li jirregola s-Suq Diġitali, l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia qalet li s-suq wieħed diġitali Ewropew tikkonċerna l-intrapriżi ż-żgħar tal-familji li jistgħu isaħħu l-kompetittività tagħhom u għall-konsumaturi li mingħajr il-geo blocking se jkollhom għażla ferm ikbar.
Sostniet li din hija strateġija li tirrifletti l-ħajja diġitali tan-nies mingħajr ma jkun hemm limitazzjonijiet jew barrieri.
Bħala membru tal-kumitat JURI, Therese Comodini Cachia ħadmet fuq il-pożizzjoni tal-kumitat fuq aspetti differenti tal-istrateġija diġitali u bħala rappreżentanta tal-EPP enfasizzat fuq l-importanza tal-portabbilità tal-kontenut u s-servizzi minn pajjiż għall-ieħor.
Comodini Cachia kienet ukoll il-kelliem tal-EPP dwar il-copyright.
L-Ewroparlamentari Maltija qalet li l-konsumaturi jrid ikollhom l-aċċess għas-servizzi u l-kontenut li jkunu xtraw bħalma huma l-films, il-mużika u programmi irrispettivament mill-pajjiż fejn ikunu jew mill-pajjiż fejn ikunu xtraw il-kontenut.
Il-kummerċ diġitali qed jiġġenera mal-€500 biljun fis-sena fl-Unjoni Ewropea u meta l-istrateġija diġitali tiġi mħaddna, huwa mistenni li jiżdied ix-xogħol u t-tkabbir ekonomiku madwar l-Ewropa.