Iridu jikkoreġu ġeni f’embrijuni u mbagħad jarmuhom

Riċerkaturi fir-Renju Unit qed jistennew deċiżjoni mir-regolatur governattiv dwar il-fertilità, sabiex ikunu jistgħu jimmodifikaw il-ġeni fl-embrijuni umani.
Kathy Niakan u t-tim tagħha fl-Istitut Francis Crick f’Londra qalu li l-għan ta’ dawn l-esperimenti hu li jitfgħu dawl dwar l-għeruq li qed jikkawżaw korrimenti regolari u l-infertilità.
Ir-riċerkaturi jridu jużaw proċedura ġdida li tissejjaħ gene editing biex tneħħi ċertu ġeni mill-embrijuni fi stadju bikri.  Wara josservaw kif jikbru l-embrijuni sakemm ikollhom ġimgħa, imbagħad jeqirduhom.
Spjegaw li meta jneħħu dawn il-ġeni, il-bajda fertilizzata tkun tista’ tikber f’embrijun f’saħħtu.
Niakan qalet li r-riċerka tista’ twassal għal titjib fit-trattament għall-fertilità u għal għarfien aħjar dwar l-ewwel stadji tal-ħajja. Żiedet tgħid li tgħin ukoll lit-tobba jifhmu liema embrijuni għandhom l-akbar ċans li jipproduċu u jwittu t-triq għal mediċina li tista’ tkabbar iċ-ċans ta’ embrijuni ta’ kwalità fqira, qabel ma dawn jitpoġġew fil-ġuf.
Ir-riċerkaturi qed jgħidu li waqt li studji fuq ġrieden u annimali oħra għenu lix-xjentisti jifhmu kif jikbru l-embrijuni, huma jridu jistudjaw l-embrijuni umani direttament biex speċifikament jifhmu l-iżvilupp tal-bniedem.
Jekk ir-regolatur jagħti liċenzja biex issir din ir-riċerka, it-tim ta’ xjentisti fir-Renju Unit ikun it-tieni fid-dinja li jkun ipprova jimmodifika l-ġeni f’embrijuni umani.
Is-sena li għaddiet, xjentisti fiċ-Ċina kienu l-ewwel li mmodifikaw l-embrijuni umani, meta ppruvaw, iżda fallew, li ‘jsewwu’ ġeni ‘ħżiena’ fl-embrijun tal-bniedem.