“Iridu futur, mhux ikel biss” – Bugre

Meta wieħed iħares lejn l-immigranti żgħażagħ jinduna li dawn ma jridux biss ikel u sodda fejn jorqdu, iżda jridu futur. Dan qalu Dr Ahmed Bugre, il-President tal-Fondazzjoni għax-Xelter u s-Sapport tal-Immigranti f’intervista ma’ Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103.

Hu żied jgħid li l-ksur tal-liġi mhux aċċettabbli u kull min jikser il-liġi għandu jsofri l-konsegwenzi tagħha. Filwaqt li ddefenda d-drittijiet tar-refuġjati u persuni oħrajn li għandhom protezzjoni, Bugre sostna li l-persuni li qed jgħixu Malta b’mod illegali għandhom jiġu deportati.

Aqra: Il-Pulizija ssib ‘moħħ ieħor’ wara l-irvelli ta’ Ħal Far; għandu 17

Bugre kien qed jikkummenta fuq il-każ tat-Tnejn li għadda li wassal għall-arrest ta’ 60 persuna mit-300 immigrant li ħadu sehem fl-irvell li seħħ fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-irvell weġġa’ Pulizija u l-immigranti taw in-nar lil tliet karozzi. Hu sostna li hemm bżonn li ssir investigazzjoni sabiex jinstab eżattament x’ġara u jekk setax kien hemm fatturi li wasslu għal dan l-inċident.

“Jidher li kien hemm rabja kbira”

Bugre spjega li jekk kien hemm xi tip ta’ azzjoni li wasslet għall-irvell, mela kien hemm rabja kbira li kienet qed tinġema’ f’dawk involuti. Din seta’ kellha x’taqsam mal-kundizzjonijiet taċ-ċentri l-miftuħa u s-sapport, jew nuqqas ta’ sapport, li jirċievu r-residenti.

Aqra: Irvelli Ħal Far: 6 ġimgħat ħabs għal immigrant ieħor; 26 jinżammu arrestati

Hu qal li l-AWAS, li hija l-Aġenzija responsabbli mill-amministrazzjoni taċ-ċentru qed tagħmel dak kollu li tista’, iżda ma għandhiex biżżejjed impjegati u lanqas ħaddiema soċjali li jistgħu joffru sapport psiko-soċjali lil dawn l-immigranti. Spjega li dawn kollha jkunu għaddew minn trawmi kbar qabel ma waslu fil-pajjiż.

“Jemmnu li aħjar imutu milli jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet”

Bugre spjega li meta l-immifranti fiċ-ċentri jħossu li ma jistgħux jibnu l-futur tagħhom barra, jibdew jibdnu ċerta riżentiment. Jibdew jgħidu li aħjar jekk imutu milli jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet.

Il-qtil ta’ Cisse seta’ kien raġuni

Fl-opinjoni personali tiegħu, il-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane seta’ kien raġuni għal dan kollu. Cisse kien inqatel permezz ta’ tir f’rasu kawża ta’ inċident hit-and-run ‘il barra miċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far f’April ta’ din is-sena. Hu kien wieħed minn tliet vittmi li spiċċaw attakkati. Iż-żewġ immigranti l-oħrajn spiċċaw fil-periklu tal-mewt għal xi żmien imma salvaw.

Bugre semma li hemm sens ta’ disprament qalb il-popolazzjoni tar-refuġjati u l-immigranti. Qal li mhu qed isir xejn biex dan is-sens jonqos. Spjega kif l-immigranti Afrikani xtaqu jagħmlu dimostrazzjonijiet fit-toroq wara l-qtil ta’ Cisse. Huma xtaqu jistaqsu għaliex qed jinqatlu minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom.

Bżonn djalogu, edukazzjoni u integrazzjoni

Bugre sostna li biex xi darba naslu għal stat fejn l-immigranti li hawn fil-pajjiż ikunu jistgħu jgħixu mingħajr ma jirċievu mibgħeda razzjali, hemm bżonn djalogu, edukazzjoni u integrazzjoni. Semma li d-djalogu jrid ikun wieħed nazzjonali, fejn il-popolazzjoni tar-refuġjati, l-immigranti, il-pulizija u l-armata jingħaqdu flimkien sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni.

Qal li hawn injoranza kbira qalb il-poplu Malti li jinsab imbeżża’ minn figuri u perċentwali li ma jeżistux. Qal li hemm bżonn aktar informazzjoni faċilment disponibbli online sabiex il-pubbliku jkun jista’ jeduka ruħu. Semma wkoll il-bżonn ta’ integrazzjoni effettiva għall-persuni li qed jiġu Malta jfittxu l-ażil, kif ukoll żieda fir-riżorsi li jħdmu mal-immigranti.