Iridu aċċess bla xkiel fejn waqa’ l-MH17

Il-pajjiżi tal-punent talbu lir-Russja biex tagħmel pressjoni fuq ribelli Ukreni ħalli jagħtu aċċess mingħajr xkiel għas-sit fejn ikkraxxja l-ajruplan tal-Malaysia Airlines nhar il-Ħamis li għadda.
Hekk kif il-maġġoranza tal-vittmi kienu Olandiżi, il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte qal lill-President Russu Vladimir Putin li kien wasal il-ħin li dan juri li kien lest li jgħin.
L-Istati Uniti u l-Ingilterra ukoll qalu lir-Russja li kien hemm bżonn aċċess komplut u bla xkiel fl-inħawi.
Kemm l-Ukraina kif ukoll ir-ribelli favur ir-Russja akkużaw lil xulxin li sparaw lejn l-ajruplan tat-tip Boeing 777 li kien qed itir minn Amsterdam lejn Kuala Lampur.
Hu allegat li t-titjira MH17 b’298 persuna abbord intlaqtet minn missila f’zona ikkontrollata mir-ribelli fir-reġjun ta’ Donetsk.