“Iridu 13,000 persuna oħra Malta; inħallu persuni jmutu bil-ġuħ fil-baħar” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, sostna li l-Gvern Malti jrid iġib fil-pajjiż 13,000 persuna oħra sabiex jaħdmu, iżda fl-istess ħin iħalli persuni jmutu bil-ġuħ bejn sema u ilma.

Dan qalu waqt li kien qed jindirizza attivita politika fir-Rabat. Spjega li skont il-Gvern, l-unika mod li bih tista’ tikber l-ekonomija hija bil-popolazzjoni. Sostna li l-poplu Malti u Għawdxi għandu l-abbiltà u l-intelliġenza li jkun kapaċi jmexxi l-ekonomija hu u mhux jimportaha.

“Fearne qal hu stess li l-kuntratt tal-Vitals ħażin”

Delia tenna kif il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne, sostna hu stess li l-ftehim dwar il-kuntratt tal-bejgħ ta’ tliet sptarijiet Maltin lil Vitals Global Healthcare kien ħażin. Sostna li wara li l-Ministru Konrad Mizzi ngħata l-fiduċja tal-Gvern mar jagħmel ftehim ta’ kafkaf, li saħansitra ppermetta lil Vitals li jitrasferixxu dawn l-isptarijiet lil ħaddieħor. Irrimarka li l-firda mhux fil-Partit Nazzjonalista qiegħda, iżda fil-Gvern, u dan il-każ huwa xempju.

“Jekk trid tgħaqqad il-pajjiż, għażel President Nazzjonalista”

F’appell għall-Prim Ministru Joseph Muscat, Delia tenna li jekk il-Gvern irid verament jgħaqqad lill-pajjiż mela għandu jsegwi l-passi tal-Gvern passat Nazzjonalista u jagħżel President ġdid mill-kamp oppost. Insista li mal-għażla tal-President kurrenti, Marie-Louise Coleiro Preca, il-Partit Nazzjonalista vvota bi ħġaru favuriha. Kompla billi faħħarha tal-ħidma tagħha tul is-snin, b’mod speċjali fil-qasam soċjali.

“Bżonn ta’ aktar rispett lejn artisti lokali”

Fl-indirizz tiegħu, Delia kkwota dak li qalet ir-rebbieħa ta’ X-Factor Malta, Michela Pace wara r-rebħa tagħha fejn appellat sabiex ħadd ma jaqta’ qalbu u jibqa’ jsegwi l-ħolm tiegħu. Sostna li fi ftit ġimgħat, din il-kantanta irnexxielha tasal fejn qatt ma ħasbet li tasal. Tenna li huwa interessanti l-mod ta’ kif il-Gvern qed jimxi f’dan is-settur u nsista dwar il-bżonn ta’ aktar rispett lejn artisti lokali, fejn fost l-oħrajn jiġu rikonoxxuti u kkumpensati tax-xogħol tagħhom.

“Delia lest jipperikola l-investiment u l-ġid tal-pajjiż” – PL

Intant, f’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista sostna li hija ħasra li riżultat ta’ pika interna, Delia qed jipperikola l-investiment u dak li jista’ joħloq il-ġid fil-pajjiż. Insista li Delia ma ta l-ebda raġuni valida għaliex il-PN bidel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proġett tal-grupp Corinthia.