Irid vjolenza fuq il-pulizija; jarrestawh

Raġel ta’ 31 sena qed jinżamm arrestat taħt l-akkużi li hedded lill-Pulizija f’kummenti li għamel fuq Facebook.

Fil-kummenti tiegħu, l-akkużat qal li jagħmel sew min itajjar lill-Pulizija u jibqa’ sejjer, wara rapporti li dehru onlajn li jgħidu li l-Pulizija qegħdin iwaqqfu mas-26 persuna kull siegħa minħabba veloċità eċċessiva.

B’dawn il-kummenti, huwa akkużat li inċita lil persuni oħra biex iwettqu att kriminali, u jiksru l-liġi, li uża mezz soċjali biex jhedded li jwettaq reat kriminali, u li uża kliem u mġiba ta’ thedded biex jinċita vjolenza fuq grupp ta’ nies. Barra minn dan, huwa akkużat li hu reċidiv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ngħata mill-Qorti.

Ir-raġel xehed mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-Difiża qalet lill-Qorti li l-akkużi jridu jiġu analizzati fil-kuntest tal-kitba li kien hemm fuq Facebook. Madankollu, ma saritx talba għall-ħelsien, u l-akkużat inżamm arrestat.

L-Ispettur Sandro Camilleri kien ikkummenta pubblikament fuq dawn il-kummenti u inkoraġixxa lill-Pulizija biex jibqgħu jagħmlu xogħolhom.

Araw xi kliem minn zewg persuni wara li hargu rappurtaggi li l-Pulizija qed inwaqqfu medja ta' 26 vettura fis-siegha fuq…

Posted by Sandro Camilleri on Monday, September 10, 2018