Irid li l-paga minima togħla b’5% kullimkien

L-Ewroparlamentari Alfred Sant jemmen li għanha tibda ssir pressjoni biex il-paga minima tiżdied b’5% fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew kien qiegħed waqt laqgħa mal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru, Vladislav Goranov, il-President tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-Presidenza Bulgara.
Hawnhekk sostna li jekk l-Ewropa trid li jkollha suċċess fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla, mela l-Istati Membri jridu juru bil-fatti li wara snin ta’ awsterità issa qed jaħdmu favur titjib fil-qagħda ta’ kulħadd.
Fi stqarrija Dr Sant qal li Goranova ma rreaġixxiex għal dil-proposta tiegħu.
Dr Sant argumenta li jekk titwettaq din il-proposta fl-Istati Membri, ikunu bbilanċjati d-diffikultajiet imqanqla mill-kompetizzjoni.
Jidhirlu li din hi għodda itjeb minn dawk li ħaddem il-Bank Ċentrali Ewropew fl-aħħar snin biex jikkumbatti l-inflazzjoni.
“Minħabba dan it-titjib ekonomiku fl-Ewropa, m'għadux jagħmel aktar sens li jintużaw l-argumenti dwar awsterità biex il-klassijiet tal-ħaddiem, il-klassijiet tan-nofs u l-pensjonanti jiċċaħħdu minn titjib fil-poter tax-xiri tagħhom, filwaqt li l-korporazzjonijiet qed jingħataw il-prosit talli qed iżidu fil-profitti tagħhom”, saħaq Dr Sant.