Irid li l-kura psikjatrika għal tfal tibqa’ tielgħa magħhom sa 25 sena

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia, irid li l-kura għal tfal bi problemi psikjatriċi għandhom ikunu aktar fit-tul, u talab ukoll biex it-trattament ta’ persuni bl-isfida tad-droga jiġi rivedut urġentement.
Dawn il-kummenti l-Kummissarju għaddiehom ilbieraħ,fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, fi stqarrija li fiha tkellem dwar il-kisbiet tal-kummissarjat tiegħu fl-aħħar 5 snin mindu twaqqaf, u f’dak li fadal xi jsir.
Dr Cachia enfasizza li l-kura lil dawk it-tfal għandha tibqa’ sejra anki wara li jagħlqu l-età statutorja ta’ 18-il sena, possibilment sa 25 sena. Żied jgħid li t-transizzjoni għal servizzi adulti għandha sseħħ gradwalment u meta ż-żgħażagħ ikunu lesti għal din il-bidla.
“Waqt li nibnu fuq is-suċċess ta’ Dar Kenn għal Saħħtek għal persuni b’eating disorders, il-pajjiż jeħtieġ jinvesti f'żewġ programmi daqstant b'saħħithom immirati lejn iż-żgħażagħ: servizz ta’ Early Intervention in Psychosis u servizz immirat lejn individwi li jirrikorru għal self-harm”, qal Dr Cachia.
Dwar il-persuni bid-droga, sostna li l-kwistjoni hi sensittiva u kumplessa li teħtieġ soluzzjoni miftehma li tinvolvi l-aktar is-Servizzi tas-Saħħa Mentali, l-FSWS u Sedqa, u l-NGOs u l-organizzazzjonijiet kollha bħalma huma Caritas u OASI.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ppropona li l-kura psikjatrika akuta timxi lejn l-isptar Mater Dei, u s-saħħa mentali għandha wkoll tkun integrata ma’ setturi oħra bħal ma huma l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni soċjali, il-ħarsien soċjali, is-sigurtà soċjali, l-impjiegi, servizzi taż-żgħażagħ, l-isport, ilkunsilli lokali, il-Pulizija, il-ġudikatura, is-servizzi korrettivi u s-servizzi ta’ probation.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali twaqqaf ħames snin ilu b’mandat li jġib ’il quddiem u li jara li jiġu rispettati id-drittijiet ta’ nies li jbatu minn diżordni mentali u l-għeżież tagħhom.
Saħaq li Malta teħtieġ politika riveduta dwar is-saħħa mentali, strateġija u pjan ta’ azzjoni li jirriflettu l-prinċipji tal-Att dwar is-Saħħa Mentali u x-xejriet reċenti għal saħħa mentali u ħarsien soċjali aktar sħaħ.
Riċentement, stħarriġ dwar il-litteriżmu fis-saħħa wera nuqqasijiet serji fil-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni li jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Il-Kummissarjat jaħdem sfiq mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, u nieda pubblikazzjoni li tiġbor il-fatti u l-opinjonijiet espressi waqt proċess estensiv ta' konsultazzjoni mal-komunità.