Il-mewt ta’ Gordon Spiteri “għandha tiftaħ għajnejn l-awtoritajiet”

Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, jidhirlu li hemm nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni preżenti fejn tidħol is-sigurtà min-nar fi blokok ta’ appartamenti, u talab biex ikun hemm titjib.
Dan il-kumment sar fid-dawl tal-inċident fi blokka f’Wied il-Għajn il-Ħadd li għadda, meta nirien ħakmu appartament u raġel tilef ħajtu minħabba d-dħaħen li bela’ mill-appartament li kien qed jaqbad.
Għal din l-istqarrija tal-Ministru, ikkummentat l-Assoċjazzjoni Maltij tal-Iżviluppaturi (MDA), li laqgħet il-proposta sabiex ikun hemm liġijiet dwar is-sigurta f’każ ta’ nirien li jiġu introdotti fir-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni.
Sostniet bħal Borg, li qal fi stqarrija li l-liġijiet kurrenti f’dal-qasam huma mifruxa bla pjan u frammentati.
Il-Ministru kien qed jindirizza s-seminar Raising the Bar in Fire organizzat mill-Kamra tal-Inġinieri, meta rrimarka li l-inċident imsemmi għandu jiftaħ għajnejn l-awtoritajiet.
Aċċenna għall-ġebla Maltija, meta qal li rridu nneħħu minn moħħna l-ħrafa li din ma tiħux in-nar, u laqa’ b’sodisfazzjon it-talba tal-inġiniera għal spezzjonijiet mandatorji ta’ binjiet u ta’ servizzi tal-binjiet.
Min-naħa tagħhom l-iżviluppaturi fakkru li kif inhi l-liġi bħalissa l-Awtorità tal-Ippjanar titlob rapport dwar is-sigurtà f’każ ta’ nar f’postijiet li huma miftuħa għall-pubbliku u f’garaxxijiet, bosta drabi taħt l-art.
Itemmu jgħidu li dawn it-tip ta’ rapporti hemm bżonnhom ukoll fi blokok bħal dik li ħadet in-nar, u dendlu jdejhom biex jaħdmu mal-Gvern.