“Irid jispiċċa t-tixrid ta’ demm fil-Mediterran” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex ma tiġix injorata s-sitwazzjoni mwiegħra tal-immigranti u ta’ dawk li qed jiġu ppersegwitati fil-Mediterran.
L-appell imqanqal mill-Arċisqof sar fl-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa li saret fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, fl-okkażjoni taż-żjara statali tal-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann Fra Matthew Festing.
Mons. Scicluna rrefera għall-karba tar-refuġjati li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u għal dawk li tilfu ħajjithom fl-aħħar traġedja. Iddeskriva bħala traġiku u ta’ swied il-qalb, ir-ritratt ta’ tifel bla ħajja li ġie ppubblikat fuq il-ġurnali tal-lum.
Saħaq li dan ifisser sejħa urġenti biex tittieħed azzjoni.
L-Arċisqof irrefera għall-erba’ kelmiet bil-Latin li jirrappreżentaw il-karatteristiċi tal-Ordni – Tuitio Fidei; Obsequium Pauperum, li jfissru d-difiża għall-fidi, rispett u ġieħ lill-foqra.
Sostna li biex wieħed ikun jista’ jiddefendi l-fidi, trid tiġi assigurata libertà reliġjuża għal kulħadd, anke għal dawk li mhumiex Insara. Żied jgħid li din tkun l-aqwa garanzija għal-libertà tal-Insara.
Tenna l-appell tal-Papa Franġisku lill-Komunità Internazzjonali, biex ma tinjorax l-Insara li qed jiġu ppersegwitati, sempliċiment għax huma Nsara. Saħaq li hemm bżonn ta’ djalogu inter-reliġjuż.
Mons. Scicluna rrefera għal dak li qal Fra Matthew Festing, li jekk jiġi promoss id-djalogu reliġjuż bejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam, dan ikun mod straordinarju kif jiġi ċċelebrat l-450 anniversarju tal-Assedju l-kbir.
Madanakollu enfasizza li “ħutna għandhom jieqfu jiġu ppersegwitati, irid jispiċċa t-tixrid ta’ demm fil-Mediterran. Ieqfu oqtlu lill-Kopti innoċenti u l-Insara Iraqqin. Ieqfu użaw l-Iżlam biex titterrorizzaw lill-innoċenti.
L-Arċisqof semma wkoll li hemm bżonn jiġu ffaċċjati ġrieħi ġodda fosthom dawk ikkawżati mill-vizzji u faħħar lill-Gvern Malti għall-impenn kontinwu tiegħu.
Ritratt: Photocity, Valletta