Irid ikun hemm evidenza b’saħħitha wara l-akkużi kontra l-AFM – Prof. Formosa

Read in English.

Prof. Saviour Formosa, il-Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan il-Fakultà tal-Benessri Soċjali fl-Università, qal li jrid ikun hemm evidenza b’saħħitha biex isiru akkużi fuq nies li huma minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus, u tali akkużi ma jridux ikunu bbażati fuq is-sensazzjonaliżmu.

Dan ingħad b’rabta mad-denunzji li ressaq il-grupp tas-soċjetà ċivili Repubblika fil-konfront ta’ 11-il uffiċjal tal-Forzi Armati, tal-Brigadier Jeffrey Curmi u tal-Prim Ministru Robert Abela, dwar l-immigranti li tilfu ħajjithom fl-ibħra Maltin. Repubblika qegħdin jakkużaw lil dawn li l-immigranti mietu minħabba xi sabutaġġ tad-dgħajsa.

Il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru ħabbar li se tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq il-każ, li l-piena tagħha tista’ tkun ta’ għomor il-ħabs.

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Kriminoloġija, dan wera s-solidarjetà tiegħu mal-uffiċjali tal-Forzi Armati, u appella biex dawn ir-rapporti jiġu investigati mill-aktar fis, għaliex l-uffiċjali huma bżonjużi fit-taqtigħa kontra l-imxija tal-coronavirus. Il-Brigadier Jeffrey Curmi jagħti xi lekċers fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija.

Semma wkoll li l-problema ġejja, fil-maġġorparti tagħha, min-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea. Skont id-Dipartiment, l-UE naqset milli tagħti rispons u approċċ komprensiv dwar is-sitwazzjoni lill-istati membri tagħha. Sostna li meta stati u stati b’saħħithom ma jirnexxux, jisplodu l-opportunitajiet għar-reati kriminali, u jkun hemm aktar lok għall-isfruttar tal-foqra u dawk iddisprati u bżonn l-għajnuna.

Prof. Formosa saħaq li jekk wieħed ifittex li jitfa’ lill-frontliners il-ħabs, dan jgħin lid-dominju kriminali biex ir-reati tiegħu ma jagħtux daqshekk fil-għajn. Stqarr li, “Jekk hemm it-tort, is-saltna tad-dritt se tagħmel xogħolha, imma bbażata fuq l-evidenza.”