Irid ibigħ il-Mona Lisa għal €50 biljun

Negozjant magħruf Franċiż issuġġerixxa li Franza għandha tbigħ il-pittura tal-Mona Lisa għal €50 biljun biex tgħin lis-settur kulturali tal-pajjiż jerġa’ jiġi fuq saqajh wara l-kriżi tal-Covid-19. Stephane Distinguin hu l-fundatur u l-kap eżekuttiv tal-kumpanija Fabernovel imdaħħla fis-suq tat-teknoloġija.

Huwa ammetta li l-bejgħ tal-pittura mis-Seklu 16 ta’ Leonardo da Vinci għall-ewwel tidher ġennata imma ilu ħafna jaħseb dwarha. Dan ikun mezz kif bi flusha jgħinu lill-artisti Franċiżi jirkupraw wara l-qirda li qed tħalli warajha l-imxija tal-coronavirus.

Stephane Distinguin kiteb fil-magażin Franċiż Usbek & Rica fejn talab lil Franza biex ibigħ l-antik biex isir il-ġdid u biex jinħoloq wirt ġdid.

“Dan ikun mod ta’ kif nazzjon  jemmen fil-futur u fl-artisti tiegħu,” kiteb. “Qed nikteb dan biex nipprovoka diskussjoni imma konvint mill-ħsieb. Għalhekk x’hemm aqwa biex naqla’ diskussjoni billi nissuġġerixxi li tinbiegħ il-Mona Lisa?”

Skont Stephane Distinguin il-pittura hi faċli li tinġarr u tittieħed għand min iħallas għaliha.  Hu saħaq li kulħadd qallu li l-istima tal-prezz li ta hija għolja aktar milli suppost imma “ħadd għadu ma għamilli argument biex juri li qed ngħid xi ħmerija.”

Stephane Distinguin għandu 46 sena u waqqaf il-kumpanija tiegħu fl-2003. Is-sena l-oħra ngħata l-akbar unur li tagħti Franza, il-Legion d’Honneur.