Irid flus il-poplu lura għas-safar ta’ Muscat għall-bejgħ taċ-ċittadinanza

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u biex irodd lura l-flus li ħallas il-poplu li ntefqu fir-reklamar tal-iskema.

Cassola qal lill-Awditur li l-programm maqbul bejn il-Gvern Laburista u l-kumpanija Henley and Partners ta’ Chris Kalin qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ Malta. Kompla jgħid li mill-2013 sal-lum kien hemm “biżibilju” ta’ rapporti fil-midja internazzjonali li qalu li din hi skema favur min jaħsel il-flus.

Cassola fakkar ukoll li kien hemm bosta miljunarji li xtraw ċittadinanza Maltija li mbagħad spiċċaw arrestati.

Filmat b’kamera moħbija, juri żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jiftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern. Fil-programm investigattiv Franċiż bl-isem Enquête exclusive li xxandar reċentament, l-aġent Malti ftaħar bil-ħbiberija tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli.

Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għandha tiġi sospiża b’mod immedjat, qal il-Partit Nazzjonalista.

Issospendu u investigaw il-bejgħ taċ-ċittadinanza – PN

Fl-ittra tiegħu lill-Awditur, Cassola qal li l-poplu Malti ilu jħallas mijiet ta’ eluf ta’ ewro sa mill-2013 biex il-Prim Ministru Joseph Muscat u ministri oħrajn imorru jirreklamaw il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija f’avvenimenti ta’ Henley and Partners barra minn Malta.

Cassola qed jitlob biex jitwaqqaf kull pagament maħruġ mill-Maltin b’rabta ma’ dawn l-attivitajiet kif ukoll biex il-poplu jingħata lura flusu li ilu jħallas mill-2013.

Il-Gvern Malti qed jiċħad l-allegazzjonijiet “li saru minn terzi persuni” waqt il-programm investigattiv Franċiż Enquête exclusive, fejn żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern, saħansitra mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Allegazzjonijiet Ċittadinanza: Il-Gvern jirribatti