Irġiel iktar minn nisa involuti f’inċidenti tat-traffiku

Il-kas tipiku ta’ inċident tat-traffiku hu ħabta b’karozza misjuqa minn raġel ta’ bejn 41 u 59 sena, fit-Tramuntana ta’ Malta, nhar ta’ Ġimgħa bejn id-9am u nofsinhar.
Skont statistiċi maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku naqsu b’4.8% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. 
L-għadd ta’ persuni midruba naqas b’10%, bil-maġġoranza ta’ dawk midruba jkunu rġiel, bejn il-41 u l-59 sena. 
Filwaqt li l-akbar numru ta’ inċidenti seħħew fit-Tramuntana ta’ Malta (37.1%), l-aktar lokalitajiet popolari għall-inċidenti kienu Birkirkara (281), Ħal Qormi (194) u l-Mosta (163). 
200 sewwieq ġarrbu ġrieħi ħfief u 40 sewwieq sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li 11-il passiġġier, 18-il persuna li kienu mixjin fit-triq u ċiklisti sofrew ġrieħi gravi.
B’kollox seħħew erba’ inċidenti fatali, li wasslu għall-mewt ta’ tlett irġiel u mara. Tnejn kienu qegħdin isuqu karozza filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu qed isuqu mutur. 
L-akbar ammont ta’ dawk midruba kienu qegħdin isuqu karozzi (63.1%) u muturi (23,7%). 
L-ogħla ammont ta’ nies indarbu f’inċidenti li seħħew nhar ta’ Tnejn, filwaqt li l-akbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew nhar ta’ Ġimgħa. Nhar ta’ Ħadd indarbu l-akbar ammont ta’ nies għal kull inċident tat-traffiku. 
L-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew bejn id-9am u nofsinhar (21%) filwaqt li l-inqas seħħew fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu bejn nofsillejl u s-6am (132).