Irċieva l-istigmata mingħand Alla għall-fedeltà tiegħu

Il-ħajja ta' Padre Pio

Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Illejla għall-ħabta ta’ 9.30pm l-istazzjon Canale 5 se jkun qed ixandar film dwar Padre Pio li ħareġ fis-sena 2000 b’Sergio Castellito fil-parti prinċipali. Il-ġrajja tal-film tibda fl-1968 f’San Giovanni Rotondo, f’Apulia, fejn ikun qed imut Padre Pio. Matul il-lejl, jasal Kardinal misterjuż li jidher li wasal biss biex jiddisturba lil Padre Pio u jdejqu billi jsemmilu n-nuqqasijiet kollha li Padre Pio kien għamel matul ħajtu. Il-patri jaħtaf il-mument biex jgħid is-sigrieti kollha tiegħu sa minn-tfulitu.

Iż-żagħżugħ Francesco (Padre Pio) matul ħajtu għadda minn taħditiet ma’ Alla iżda kien assedjat ukoll mix-xitan li manifesta ruħu fil-forma ta’ kelb iswed.  Wara ftit mirakli, Francesco sar novizz u sar patri f’San Giovanni Rotondo. Hemmhekk irċieva wkoll l-istigmata mingħand Alla għall-fedeltà tiegħu.

Il-fama tal-qdusija tiegħu bdiet tikber mal-Italja kollha iżda l-Vatikan ħaseb li l-istigmata huma foloz u kkundanna lil Padre Pio. Imma l-folla tal-fidili kibret u fl-aħħar il-Papa biddel fehmtu.

Jieħdu sehem Sergio Castellitto, Jùrgen Prochnow, Raoul Bova, Flavio Insinna, Elio Germano, Andrea Tidona, Camillo Milli, Lorenza Indovina u Andrea Buscemi fost oħrajn.