​“Irċevejt wisq ittri ta’ ġenituri u għalliema biex ma niħux azzjoni” – Obama

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama qal li se juża l-poteri eżekuttivi tiegħu biex jindirizza l-problema ta’ vjolenza bil-pistoli fil-pajjiż.
Fl-ewwel messaġġ tiegħu fl-2016, Obama qal li se jieħu azzjoni waħdu u għalhekk se jiltaqa’ mal-Avukat Ġenerali. Spjega li se jagħmel dan għax il-Kungress Amerikan naqas milli jsib qbil biex jindirizza din il-problema.
Il-President tal-Istati Uniti qal li rċieva wisq ittri mingħand ġenituri, għalliema u tfal biex ma jieħu l-ebda azzjoni dwar il-vjolenza fuq it-tfal.
Kompla jgħid li kulħadd huwa konxju li ma jistax jitwaqqaf kull att ta’ vjolenza, iżda qal li l-Kungress irid jieħu azzjoni, anke jekk jirnexxielu jwaqqaf attakk wieħed biss fuq it-tfal.
Ammetta li fi ħdan il-Kungres Amerikan, ma sabx l-appoġġ meħtieġ għal dak li sejjaħ bħala “liġijiet ta’ sens komun dwar l-użu ta’ pistoli”. Iddeskriva din bħala l-akbar frustrazzjoni tiegħu bħala President.
Diversi osservaturi qed isostnu li Obama se jsib oppożizzjoni kbira mill-kamp politiku dwar din il-kwistjoni.