“Irbaħtlek” – Malti li fieq mill-coronavirus

Malti li fieq mill-coronavirus qal fuq Facebook li hu ħareġ rebbieħ fuq din il-marda qerrieda li issa sabet ruħha fis-soċjetà Maltija u affettwat mat-350 persuna.

Martin Attard qal li għamel xahar u ġurnata jissielet kontra l-coronavirus. Issa jidher li ttestja fin-negattiv u b’hekk irrimarka li ħareġ rebbieħ hu fuq il-virus. Qal li hu rebaħ lil din il-marda fis-silenzju, fis-solitudni u iżolat mill-bqija tad-dinja.

Sostna li l-marda daħlet f’ħajtu mingħajr ma jaf kif, xi ħaġa li ma talbitux permess. Qal li minkejja li l-marda kienet xi ħaġa li weġġgħetu fiżikament, l-uġigħ kien ukoll wieħed mentali. Irrimarka li l-coronavirus poġġa wkoll fil-periklu lil uħud mill-akbar ħieb tiegħu u sħabu l-kollegi.

Irrimarka li fl-10 ta’ April beda kapitlu ġdid f’ħajtu, iżda l-marda se tħalli tebgħa li se jibqa’ jiftakar għal dejjem. Irrimarka li dan għadu biss il-bidu u li l-gwerra tal-pajjiż kontra din il-marda għad fadlilha. Appella sabiex kulħadd jibqa’ jiġġieled sabiex din il-marda tinqered kompletament.

Hu rringrazzja lil dawk kollha li baqgħu warajh f’dan iż-żmien diffiċli.

IRBAHT !Wara xahar u gurnata rnexxieli inkissrek jien aaa Virus qerriedi !Irbahtlek fi skiet u fis-silenzju….

Posted by Martin Attard on Friday, April 10, 2020