Iraq: Kandidat kontra l-Istati Uniti u l-Iran fuq quddiem nett

F’dak li qed jitqies bħala riżultat sorprendenti fl-Iraq, l-alleanza Xita jisimha Sairoon immexxija Muqtada al-Sadr mistennija tirbaħ l-elezzjonijiet parlamentari wara aktar minn sentejn.
L-alleanza kienet twarrbet politikament fil-biċċa l-kbira minħabba l-insistenza tar-ribelli Iraqini, sostnuti mill-Iran.
S’issa ngħadu aktar minn 91% tal-voti f’16 mit-18-il provinċja li hemm fl-Iraq, u fit-tieni post jidher li ġejjin il-milizzja Xita tal-koalizzjoni Fataħ, sostnuta wkoll mill-Iran, u fit-tielet post il-koalizzjoni tar-Rebħa, immexxija mill-Prim Ministru attwali, Haider al-Abadi.
Ħafna qed iqisu li n-nuqqas ta’ suċċess tal-PM jfisser daqqa ta’ ħarta għall-influwenza Amerikana fil-pajjiż, li waħda mill-missjonijiet tagħhom hi li jeqirdu lill-ISIS mill-pajjiż.
Fiż-żewġ provinċji li fadal, il-koalizzjoni Xita ta’ Sairoon ma ħaditx sehem fihom.
L-indikazzjonijiet juru li Sairoon, li hija alleanza bejn il-moviment Sadrista u l-Partit Komunista tal-Iraq, se jirbaħ 54 siġġu mit-329 fil-Parlament, b’1.3 miljun vot.
L-elezzjoni li saret is-Sibt kienet l-ewwel waħda wara t-telfiet kbar tal-ISIS, iżda l-għadd ta’ votanti kien baxx, 15% inqas mill-elezzjonijiet tal-2014. Ħarġu jivvutaw 44.5%.
Dwar ir-rebbieħ, Muqtada al-Sadr, kien għen biex kien hemm rewwixti kemm kontra l-Istati Uniti u anki l-Iran, bil-maqlub tal-PM attwali, li hu ħabib tat-tnejn.
Aktarx il-kisba tal-poter se jfisser li l-Iraq jiddistanzja ruħu mill-Istati Uniti u l-Iran.