Iraq: 200,000 persuna oħra mkeċċija minn darhom

Il-Nazzjonijiet Magħquda qalu li madwar 200,000 persuna oħra kellhom jitilqu minn djarhom wara li l-grupp militari IS (Islamic State) ħa f’idejh iktar bliet fit-tramuntana tal-Iraq.
Illum IS ħadu f’idejhom il-Belt ta’ Sinjar viċin il-fruntiera mas-Sirja.
Dan wara li lbieraħ il-militanti rebħu l-Belt ta’ Zumar u aktar kmieni x-xahar li għadda l-Belt ta’ Mosul.
In-Nazzjonijiet Magħquda qalet li ħafna nies huma nieqsa mill-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, ilma u mediċini.
Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt tkellem mal-Isqof Awżiljarju tal-Knisja Kaldea f’Bagdad li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala ħażina ħafna.
Spjega kif gruppi f’minoranza, speċjalment l-Insara qed jitkeċċew minn djarhom u jiġu misruqa mill-ftit affarijiet li qed jieħdu magħhom.