Iran: L-Amerka tgħid li l-ftehim nukleari sar fuq il-gideb, wara dak li “żvela” Iżrael

Is-Segretarju tal-Istati Uniti, Mark Pompeo, qal li l-ftehim mal-Iran dwar l-armamenti nukleari kien kollu mibni fuq il-gideb, u dan wara li ra filmat tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jgħid li għandhom provi li juru li l-Iran baqa’ għaddej bil-programm nukleari tiegħu.
Pompeo kien qed jirreferi għall-ftehim li kien intlaħaq fl-2015 bejn l-Iran u sitt qawwiet dinjija oħra, għalkemm dakinhar Iżrael kien qal li l-ftehim kien theddida għalih.
Il-pożizzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, hi fuq l-istess linji ta’ Pompeo, hekk kif dan kemm-il darba qal li jixtieq jabbanduna l-ftehim. Trump mistenni jieġu deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
Min-naħa l-oħra, pajjiżi oħra tal-Punent qalu li l-Iran żamm mal-ftehim, u jkun aħjar jekk jibqa’.
F’Jannar li għadda Trump kien approva l-ftehim mal-Iran, li jrid jiġi ffirmat kull 120 ġurnata, għall-aħħar darba, biex jagħti ċans lill-Ewropa, u anki lill-Amerka, jirranġaw “l-iżbalji kbar” li hemm f’dal-ftehim, dejjem skont Trump.
X’qed jgħid li jaf Netanyahu?
Ilbieraħ il-PM Iżraeljan qal li wara tfittxija mill-awtoritajiet Iżraeljani, instab li l-Iran kien baqa’ għaddej bil-proġetti nukleari tiegħu, fosthom Project Amad.
Dak li qal Netanyahu jaqbel ma’ dak li kien qal grupp Iranjan eżiljat fl-2002, jiġifieri li l-Iran kien qed jibni siti għal testijiet nukleari, dak iż-żmien kontra t-Trattat ta’ Kontra t-Tifrix Nukleari, li l-Iran kien iffirma għalih.
F’filmat, Netanyahu deher jikxef għexieren ta’ fajls u CDs b’informazzjoni li allegatament l-awtoritajiet ikkonfiskaw mis-sit fejn kien qed jiġi ppjanat dal-proġett.
Qal li din hi kollha evidenza li turi li l-Iran kien qed jigdeb qabel ma ntlaħaq il-ftehim fl-2015, għalkemm ma pprovdiex evidenza li turi li l-Iran kien qed jikser il-ftehim fl-2016, meta fil-verità kien ġie effettwat.
Min-naħa tiegħu, Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, qal li din kienet tattika tat-tfal ta’ Netanyahu biex jipperswadi il Trump jirtira mill-ftehim.