Ira u Xarulù jilqgħu l-2019 fi Pjazza San Ġorġ

DOI - Pierre Sammut

Nhar lejliet l-Ewwel tas-Sena l-kantanta Ira Losco se tkun qed tagħti kunċert live fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal dan meta fakkar kif matul din is-sena ġew organizzati aktar minn 350 attività bis-sehem ta’ 2,000 artist u li attendew għalihom 350,000 persuna. Qal li dan il-kunċert live se jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali fil-Belt għall-pubbliku, u l-ispettaklu se jinkludu wkoll wirjiet mużikali mid-duo lokali Xarulù.

Il-Ministru Bonnici saħaq li dawn l-avvenimenti jkomplu jagħtu dimensjoni Ewropea lill-Belt Valletta li flimkien ma’ bliet u rħula ewlenin fl-Ewropa se jilqgħu s-sena l-ġdida. Huwa iddeskriva l-2018 bħala sena importanti ħafna għall-kultura u l-legat għal Malta.

Ingħataw aktar dettalji dwar is-serata fil-Belt Valletta, li fost l-oħrajn se tinkludi lil DJ Pierre Cordina li se jdoqq il-mużika qabel il-countdown ta’ nofsillejl, u warajh se jkun hemm DJ Mykill.

Intqal li mhux se jonqsu l-effetti speċjali fuq il-palk u l-murtali li se jilqgħu s-Sena l-Ġdida.