Ira u Gianluca jimmiraw għall-Eurovision 2015 – fatt jew diċerija?

Fost l-eluf ta' segwaċi tal-Festival tal-Malta Song for Europe qed tinbet l-ispekulazzjoni li Ira Losco u Gianluca Bezzina qed jerġgħu jitħajru jieħdu sehem fil-Festival li jmiss bit-tama li jirrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2015.  Hemm min qed jispekola li l-kantanti qed jaħdmu fuq kanzunetti separati bħala solisti. Oħrajn qed jitkellmu dwar il-possibilita' li l-kantanti jissottomettu kanzunetta flimkien li biha jistgħu jirrapreżentaw lil Malta bi dwett.
F'kummenti esklussivi lil Newsbook.com.mt dwar dawn l-ispekulazzjonijiet Losco wieġbet: "Jien dejjem kont tal-fehma li dment li jkolli kanzunetta li nemmen fiha u li tirrifletti lili bħala artista, ma nirrifjutax l-opportunita' li nerġa' nieħu sehem. Meta jiġri dan tkun storja oħra."
Min-naħa tiegħu, ma' dan is-sit, Gianluca Bezzina ikkonferma li ħafna vera tkellmu miegħu dwar dawn id-diċeriji imma qal li għalissa ma jixtieqx jikkummenta.
L-ispekulazzjonijiet nibtu b'għeruq aktar sodi u bdew jixterdu b'aktar ħeffa minn meta fi Frar ta' din is-sena id-duo deher flimkien waqt iż-żewġ serati tal-Malta Song for Europe.  Dakinhar ħafna tkellmu dwar l-armonija li ħolqu l-vuċijiet tagħhom flimkien u ħafna ħolmu li jarawhom flimkien fil-festival tal-Eurovision Song Contest.   
L-applikazzjonijiet għal dawk li se jieħdu sehem fil-festival se jintlaqgħu bejn it-28 u d-29 ta' Awwissu.