Ira Losco: is-suċċess li jiġi mill-qalb

Meta tkun qed tipprepara biex tintervista ‘personalità’ bħal Ira Losco, għal xi ħadd bħali aktar imdorrija nintervista politiċi u akkademiċi, it-tħejjijiet jeħduk lil hinn mis-soltu. U waqt l-intervista, irrid ngħid li rringrazzjajt lil dawk kollha li tul il-karriera, nisslu fija sens ta’ dixxiplina. Għax waqt li qed nisma’ t-tweġibiet ta’ Ira, bdejt nisma wkoll il-lirika tal-mużika tagħha. U f’qalbi għedt: tassew li s-suċċess jiġi mill-qalb.

Kif jgħid il-qawl Malti, ix-xemx minn filgħodu turik. “L-imħabba għall-mużika dejjem kienet hemm, bdejt inkanta qabel bdejt nitkellem. Fl-iskola dejjem kont nieħu gost bil-lezzjoni tal-mużika, jew lezzjoni tal-kant, jew idaħħluna fit-teatru, jew biex nieħu sehem f’xi reċta” qalet Ira Losco. Hija semmiet kemm dejjem kienet miġbuda lejn l-aspetti kreattivi tal-ħajja. Il-ġenituri tagħha apprezzaw din ix-xeħta u raw kif seddquha. Tgħallmet il-pjanu u x-xitla mużikali tefgħet l-għeruq tagħha, għeruq li, bħal swaba’ ta’ maħbub rabtu rwieħhom ma’ qalbha.

“Fejn Staħbejtli?”

Dan mhux kliem fieragħ. Ira Losco tiddeskrivi r-relazzjoni tagħha mal-mużika f’termini ta’ relazzjoni umana. “Bħalissa minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid qed inħoss in-nuqqas ħafna tagħha, għaliex qiegħda dejjem imsakkra f’dari, u qegħda f’sitwazzjoni fejn ninsab mat-tifel tiegħi u għalhekk m’għandix dak il-post fejn nista’ mmur u ninqata’ ftit għalija waħdi. Nista’ nikteb u nikkomponi d-dar imma mhux faċli li taqleb f’daqqa biex tibda tikteb meta għandek in-nies madwarek. Trid issib dak il-post fejn inti tmur mentalment u fiżikament biex tkun fil-comfort zone tiegħek” qalet il-kantawtriċi. Żiedet li bħalissa dan in-nuqqas qed tħossu ħafna. Fi kliem Losco, tul is-snin il-mużika dejjem tatha element ta’ żvog, “…kważi kważi qisha relazzjoni ma’ xi ħadd,” żiedet il-kantanta. Hija xebbħet ir-relazzjoni tagħha mal-mużika bħal relazzjoni umana fejn daqqa tmur tajjeb u kollox ikun ħarir u daqqa ssib skoll u r-relazzjoni tinħakem mis-seba’ snin tal-għaks.

Ira Losco au naturel

“Uża t-tajjeb li hemm fik”

“Iva din in-nixfa ġratli kemm-il darba u huwa żmien veru ikrah. Kważi jkun bħal break-up period. Ikun hemm żmien fejn tkun tajba ħafna, tkun rilassata, jew tkun ktibt  u spiċċajt xi album,  jew tkun għadek kif lestejt xi ħaġa kreattiva bħal video, jew xi show, mument sabiħ ħafna, u tkun kuntenta ħafna. Imbagħad hemm mumenti fejn tħossok mitlufa, għandek ħafna mistoqsijiet, x’qed jiġri, ma tistax tħoss li qiegħda fiha għal fama, jew biex tidher, għax dawk l-affarijiet mhux se jrenndulek,” spjegat l-artista. Żgur li huma kliem li fihom hemm twissija kbira: l-arti hija espressjoni ta’ mħabba u mhux tfittxija għall-fama. Min ifittex biss il-fama, jinkalja mal-iskolli tal-ħajja artistika. “Għalija l-mużika dejjem kienet hekk, mod ta’ kif inħalli l-emozzjoni tiġri bija. Ħafna drabi jekk l-emozzjoni żżommha ġo fik, jista’ jkun li jkollok ċertu tossiċità,” żiedet Losco.

“I’ll never belong where I don’t want to belong to”

Għal Losco, l-unika alternattiva li teżisti hija fl-għażla mużikali tagħha. Hija tagħżel dak il-ġeneru magħruf bħala Mużika Alternattiva bħala l-għażla tagħha għalkemm bħala artista tkanta u tikteb ħafna pop. “Meta kelli xi 15/16-il sena kont iltqajt ma’ ġuvni li għadu wieħed mil-akbar ħbieb tiegħi, li jgħix Londra, u kien staqsieni biex inkun parti mil-bandtiegħu, Tiara, u ndoqqu mużika alternattiva… Meta mbaghad dħalt 6th Form ltqajt ma’ missier ħabiba tiegħi li kien kompożitur u staqsieni rridx nieħu sehem f’‘Kanzunetta Maltija’…Kont irbaħt il-FIDOF Award għall-aktar kantanta promettenti dakinhar, u minn hemm bdejt nidhol fix-xena ta festivals  hawn Malta”. Kien dan iż-żmien ta’ katalista li wassal lill-artista tbiddel it-triq minn Alternative għal Pop.

Glamazon

Every day’s a new beginning”

U jekk kien hemm diska li biha kantanta ‘ppoppjat’ fil-konxju tal-poplu Malti kienet ‘Seventh Wonder’ – esperjenza li lil Ira Losco wasslitha fit-tieni post tal-Eurovision Song Contest. Żmien importanti għal Losco, imma żmien twil ilu wkoll. “Insejt ħafna affarijiet, forsi għax ilu ħafna, u tant kienu ġraw ħafna affarijiet u ġraw b’mod mgħaġġel, li ċertu affarijiet insejthom. Kelli 20 sena. Kien l-ewwel darba li kantajt quddiem daqshekk nies. Niftakarni inħares lejn il-bozza l-ħamra tal-kamera u ngħid lili nnifsi li qed jarawni ħafna nies madwar id-dinja. Imnalla li ħsibt dan waqt rehearsal u mhux dakinhar stess” żiedet il-kantanta b’espressjoni f’wiċċha li kienet għadha tixhed l-emozzjoni ta’ dakinhar. “Bżajt ftit. Imma mbagħad nieħu rwol ieħor, u nilbes rwol professjonali għax jien nemmen li jien twelidt biex nagħmel dan, biex inkun fuq palk. Inħossni komda ħafna, qisni dħalt f’persuna oħra. Inħoss li jien żewġ persuni imma jikkumplimentaw lil xulxin biex nagħti l-aħjar lin-nies,” qalet Losco.

Tħalli ‘l ħadd jinqeda bik

Iżda dan il-proponiment li tagħti l-aħjar mhux li tgħid li dejjem ikun apprezzat. Fil-pożizzjoni tagħha, Ira Losco ġieli kienet esposta għal attakki pubbliċi. Imma drathom, dawn l-attakki jew għadhom ikidduha? “Ġieli jgħaddu minn fuq rasek u ġieli le. Ċertu nies ikunu jriduk tikkomunika magħhom. Jiktbu ċertu affarijiet u jattakawk biex inti tweġibhom u b’hekk tkun qed tikkomunika magħhom. Qatt ma fhimta din. Nofs il-poplu jħobbok u nofs il-poplu jobogħdok – ma tistax togħġob lil kulħadd. Lanqas ma trid tagħmel biex togħġob lil kulħadd, dan kien difett li kelli meta kont iżgħar. Ma jistax ikun li togħġob lil kulħadd. Trid taċċetta dak il-fatt,” qalet Ira Losco. Hija żiedet li ċertu kummenti huma sforz l-injoranza u bosta ma jagħmlux differenza bejn opinjoni u ħsieb. “Però li jxerrdu aħbarijiet li mhumiex veri  ddejjaqni wisq. Jien inħobb inpoġġi lili niffsi fiż-żarbun ta’ ħaddieħor u nistaqsi kieku kella tiġri lili nieħu gost biha? Inħoss nuqqas ta’ empatija. Tista’ ma taqbilx ma’ dak li jkun b’mod diplomatiku, m’hemmx għalfejn tattakka b’mod personali jew tkun vendikattiv,” qalet Ira Losco.